Friday, May 3, 2024

Irranġa logħba futbol u weħel sitt xhur ħabs

…..ingħata piena ta’ ħabs wara appell mill-Avukat Ġenerali

Aqra wkoll

Il-każ li kien involvi logħba futbol bejn Attard FC u Kalkara FC u li minn investigazzjoni li kienet saret kien irriżulta li kienet mixtrija wasslet biex Rudgear Scerri ta’ 24 sena ingħata piena ta’ sitt xhur ħabs. 

Il-każ ġie deċiż mil-Qorti tal-Appell fejn din irrimarka li s-sentenza tiegħu kellha tkun aktar ħarxa fid-dawl tal-akkużi miġjuba kontrih.

Rudgear Scerri kien akkużat li din il-partita li ntlagħbet fis-sena 2020  kienet mixtrija. Hu kien wieġeb ħati għall-akkużi ta’ xiri ta’ logħob li jmorru kontra l-integrità tal-isport, kif ukoll li naqas milli jinforma l-awtoritajiet u organizza logħob fuq l-idejn.

Irriżulta li meta twettaq ir-reat, Scerri kien parti mill-kumitat ta’ Attard FC. Hu wara kien tneħħa minn din il-kariga minħabba dan l-każ.  Il-każ kien beda meta l-Pulizija kienet rċeviet informazzjoni dwar it-tixħim u arrestat lil Scerri f’daru fejn ġew sekwestrati madwar €20,000. Hu ammetta mal-ewwel għall-akkużi miġjuba kontrih u ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultat €50,000.

Ġara li l-Avukat Ġenerali appella din is-sentenza u qal li l-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni fl-Isport timponi sentenza ta’ priġunerija ta’ mhux aktar minn tliet snin meta persuna tiġi akkużata b’reati “li jinvolvu l-manipulazzjoni ta’ avveniment sportiv”. L-Avukat Ġenerali semma wkoll li l-persuna akkużata għandha tiġi pprojbita milli tipparteċipa fi kwalunkwe sport f’Malta għal perjodu twil.

Il-Qorti tal-Appell fid-deċiżjoni tagħha iddikjarat li għandha idejha marbutin u hi obbligata li timxi skont il-liġi . Ikkunsidrat li l-kondotta taż-żagħżugħ hija nadifa u l-fatt li dan ammetta mal-ewwel meta tressaq il-Qorti. Il-Qorti tal-Appell qalet li l-liġi hija ċara dwar akkużi li jorbtu mal-korruzzjoni fl-isport. Hu ġie kkundannat sitt xhur ħabs filwaqt li ġie pprojbit jattendi jew ikun preżenti f’binja fejn hemm avveniment sportiv għaddej għal għaxar snin. Il-Qorti ordnat ukoll l-interdizzjoni perpetwa ġenerali tiegħu.

Minħabba dan il-każ Attard FC kellhom disa’ punti mnaqqsin, u ġew mmultati €1,000. Huma kienu ipprojbiti milli jilgħabu b’kompetizzjonijiet internazzjonali għal ħames snin.

L-Avukat Herman Mula deher parte civile għall-MFA

Sport