Saturday, December 28, 2024

Irrealizza l-valuri tal-ħajja meta siefer għall-ewwel darba waħdu

Jitkellem Carlos Zaouali li żar 40 pajjiż u b’ħolma li jdur id-dinja

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Meta wieħed isiefer mal-kumpament tal-familja u jikri lukanda huwa ferm differenti minn meta wieħed isiefer waħdu u jikri kamra li jrid jaqsamha ma’ ħaddieħor. Għal Carlos Zaouali, l-ewwel vaganza tiegħu waħdu kienet l-iktar vaganza li fetħitlu għajnejh u għallmitu ħafna.

F’pajjiżna għandna ħafna affarijiet iżda mhux dejjem napprezzaw dak illi għandna. Meta wieħed iżur pajjiż barrani u jduq naqra l-mod ta’ kif ikunu qegħdin jgħixu n-nies hemmhekk, jirrealizza li bħala bnedmin f’pajjiżna għandna l-ġenna meta kkumparat ma’ individwi oħra minn madwar id-dinja kollha.

Carlos Zaouali, f’intervista ma’ Talk.mt qal li qabel ma’ siefer l-ewwel darba waħdu kien persuna li ma japprezzax il-ħajja, kien iħobb joħroġ ħafna u kien jonfoq ħafna flus fid-divertiment. Irrealizza iżda li ma kienx japprezza l-ħajja u kien il-ħin kollu jrid iktar u iktar divertiment u flus.

Irrimarka kif l-ewwel pajjiż li żar waħdu kien il-Kolombja, fejn hemmhekk kien mar tour u kellem lit-tour guide li jixtieq jgħin lil min għandu bżonn, minkejja li fuqu kellu biss madwar €200. Huwa qal li jiftakar li l-gwida kien ħa gost bil-ġest li kien se jagħmel u ddeċidew li jmorru ġo skola tal-orfni fil-Kolombja stess. Dik il-ġurnata skanta kif it-tfal kellmuh u spjegawlu li huma kienu jieklu darba biss kuljum. Iddeċieda li jaqbad il-flus li kellu fuqu u bihom imur jixtri porzjon ta’ ross u tiġieġ għal kull tifel u tifla li kien hemm fl-iskola.

Irrakkonta kif ordna madwar 70 porzjon tal-ikel u li hu flimkien mal-gwida marru l-iskola fejn qassmulhom l-ikel u kien hemmhekk fejn ra għajnejhom iduru bid-dmugħ u filwaqt li oħrajn kienu qegħdin jitbissmu. Spjega li r-ross bit-tiġieġ ma kienx iħobbu u mingħajr ebda ħsieb qabad u ramih. Kien hemmhekk fejn irrealizza li kien għadu kif għamel l-ikbar żball li seta’ jagħmel.

Wara li rema l-ikel, ġiet fuqu tifla li kellha madwar sitt snin u qaltlu li hu kien għadu kif għamel l-ikbar dnub. Qal li dak il-ħin ħa qatgħha minħabba li ma setax jifhem x’kienet qegħda tgħid mill-ewwel. Wara rrealizza li dak li kien għadu kif għamel kien bla raġuni. Dan għaliex il-Kolombjani huma mdorrijin jieklu darba biss u li hu għax ma għoġbux qabad u ramieh. Irrimarka kif f’dak il-mument ħass weġgħa kbira u li minkejja li huwa jqis ruħu bħala bniedem ta’ stamina u li ma jibża minn xejn, dak il-ħin ħareġ minn fejn kien u infaqa jibki.

Meta mistoqsi dwar x’għamel wara l-ewwel esperjenza tiegħu waħdu, huwa qal li minn dakinhar lil hemm inbidel u beda japrezza kollox. Beda japrezza aktar il-ħajja, tgħallem li l-flus irid jibża għalihom u li meta jsajjar xi ħaġa qatt m’għandu jaħlih. Irnexxielu jiltaqa’ ma’ aktar nies u rnexxielu jagħmel iktar ħbieb. Iddiskreviha bħala waħda mill-isbaħ esperjenza ta’ ħajtu. Wara l-Kolombja, qal li reġa niżel lura lejn Malta, fejn kien qabad ir-rutina lura għan-normal speċjalment fejn jidħol ix-xogħol.

Għal Zaouali, il-fatt li wieħed jaħdem minn sbieħ filgħodu sa tar billejl ma kinitx it-triq tiegħu. Rigward dan qal li meta ġie lura u beda jaħdem sigħat twal, ma kienx qed isib ċans għalih innifsu jew saħansitra xi ftit jiem ta’ mistrieħ. Iddeskriva x-xogħol bħala rutina tad-dwejjaq minħabba l-fatt li bħala persuna huwa mdorri differenti minn ħaddieħor. Kien għalhekk li ddeċieda li jaħdem ħafna sabiex jgħaqqad ħafna flus ħalli jkompli jsiefer fit-tul u jgħin aktar lil min hu fil-bżonn.

Huwa qal li Is-safar għallmu xi ħaġa importanti, illi l-oġġetti li nixtru u li jkunu jiswew eluf ta’ flus kbar ma jiswew xejn ħdejn il-mumenti sbieħ tal-ħajja u ħdejn il-valuri umani. Għal Carlos il-mumenti huma wkoll prezzjużi fil-ħajja ta’ kuljum li qegħdin ngħixu bħalissa. L-isbaħ mumenti tiegħu huma meta jesperjenza xi ħaġa differenti minn tas-soltu, meta jitgħallem xi ħaġa ġdida, u li jaqsam l-esperjenza tiegħu ma’ ħaddieħor u li jdur id-dinja.

Tenna jgħid li x-xewqa tiegħu hi li jiftaħ paġna fuq il-pjattaforma tal-midja soċjali Facebook, fejn hemmhekk jirnexxielu jitkellem ma’ komunitajiet Maltin li forsi jkunu jistgħu jgħinu lil kull min ikollu bżonn u anke forsi ikun hemm min jixtieq jibgħat id-donazzjonijiet lil min hu inqas ixxurtjat.

Ekonomija

Sport