Saturday, April 20, 2024

“Fil-bitħa ma’ SKALD”: Ċelebrazzjoni tal-ilsien Malti f’kunċert b’għan nobbli

Aqra wkoll

F’atmosfera mill-isbaħ ta’ raħal tipiku Malti, The Malta Trust Foundation (VO1761) qiegħda torganizza kunċert ta’ mużika bl-ilsien Malti bis-sehem tal-band mużikali SKALD. 

Dan il-kunċert se jkun parti minn sensiela ta’ attivitajiet li qiegħda torganizza l-Fondazzjoni li biex tiġbor donazzjonijiet ħalli tgħin tfal u żgħażagħ b’diżabilitajiet differenti. Tagħmel dan billi tipprovdilhom apparat li permezz tiegħu jkunu jistgħu jikkomunikaw. Dawn l-attivitajiet imbagħad iwasslu għall-qofol, li se tkun il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi li The Malta Trust Foundation qiegħda torganizza matul il-ġurnata tal-20 ta’ Mejju. 

Il-kunċert, bl-isem “Fil-bitħa ma’ SKALD” se jsir fit-30 ta’ April, lejliet il-festa pubblika ta’ Jum il-Ħaddiem. Dan il-kunċert se jsir fir-Razzett l-Antik f’Ħal Qormi u l-bibien jiftħu fit-08.00 p.m. Il-biljetti għal din l-attivitá jistgħu nixtraw minn dan il-link: https://www.showshappening.com/maltatr…/Fil-bitha-ma-SKALD u jiswew €20 (il-biljett jinkludi wkoll xi tnaqqir li jitqassam matul l-attivitá). Il-flus kollha tal-biljetti se jmorru għal dan il-proġett ta’ The Malta Trust Foundation. 

Bħala Fondazzjoni non-governattiva u li ma tagħmilx profitti, The Malta Trust Foundation topera kompletament minn donazzjonijiet, jew inkella inizjattivi ta’ CSR. Għaldaqstant, minn żmien għall-ieħor, il-Fondazzjoni torganizza attivitajiet biex tiġbor fondi għad-diversi proġetti li tħaddem. 

Ta’ min wieħed jispjega li dan l-apparat komunikattiv li jintuża minn tfal u żgħażagħ b’awtiżmu jew inkella diżabilitajiet oħra, jiswa ħafna flus peress li jsir apposta skont il-bżonn tat-tifel jew tifla. The Malta Trust Foundation qiegħda tgħin billi tħallas kompletament għal dan l-apparat ħalli l-familji ta’ dawn it-tfal u żgħażagħ ma jkollhomx għalxiex iġorru piż daqshekk kbir waħedhom. 

Dwar il-kunċert, il-Fondazzjoni għażlet li taħdem mal-grupp mużikali SKALD li hu fformat minn ħames membri. Dan il-grupp mużikali jkanta b’passjoni bil-lingwa Maltija u għandhom diversi siltiet mużikali oriġinali. Matul is-sena li għaddiet, huma pparteċipaw f’diversi attivitajiet bħall-Għanafest, Notte Bianca, Earth Garden u anke l-Beer Festival. Kellhom ukoll l-opportunitá li jorganizzaw “Skaldatura” fit-Teatru Manoel. Il-grupp SKALD diġá qegħdin jaħdmu fuq it-tieni album tagħhom. 

Din l-attivitá qiegħda ssir bl-appoġġ tal-grupp mużikali SKALD, Razzett l-Antik, il-BESTEAMAUDIO u showshappening.come. Il-flus kollha li jinġabru se jmorru għall-karitá! Narawkom!

Sport