Friday, May 3, 2024

‘IL-FURJANA’ tfakkar il-295  sena ta’ ‘l-Iljun tal-Furjana’

Aqra wkoll

Il-Bord Editorjali tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ għadu kif ippubblika l-ħarġa ta’ April tal-gazzetta Furjaniża.

Bħalma hi tradizzjoni, l-ħarġa ta’ April/Mejju ta’ kull sena, tkun ‘il-Ħarġa tal-Festa’ għaliex dejjem tkun ippubblikata fl-okkażjoni tal-festa parrrokkjali f’ġieħ il-patrun u protettur tal-Furjana, San Publju. Festa li din is-sena se tkun iċċelebrata nhar il-Ħadd 23 ta’ April 2023.

Ma setax jonqos li din ‘il-Ħarġa tal-Festa’ tinkludi informazzjoni u ritratti li għandhom x’jaqsmu ma’ proġetti u xogħolijiet li bħalissa għaddejjin fil-Knisja ddedikata lil San Publju. Ħidmiet li kienu tħabbru mill-Arċipriet tal-Furjana l-Kanonku Dun Charles Cini waqt il-Festa Liturġika tal-ewwel Isqof ta’ Malta, f’Jannar li għadda.

Dawn il-proġetti jinkludu fost l-oħrajn ir-restawr tal-koppla minn ġewwa, ir-restawr tal-ħitan tal-ġenb u ta’ wara kif ukoll taz-zuntier tal-knisja, il-pittura tal-Kappellun tal-Kurċifiss, u l-bini ta’ Ark Trijonfali ġdid biex jieħu post dak li ngħata n-nar fl-2019.

Proġetti li se jiswew ħafna flus u għalhekk il-Furjaniżi qed jintalbu jikkontribwixxu għalihom.

Il-festa ta’ San Publju hi wkoll imsemmija fil-feature ewlieni ta’ din il-ħarġa, li hu dwar is-simbolu tal-Furjana u tal-Furjaniżi, l-Iljun. Il-feature jieħu spunt mill-fatt li din is-sena l-monument tal-‘Iljun tal-Furjana’ jgħalaq 295 sena (1728-2023).

L-istorja ta’ dan il-monument hi akkumpanjata minn numru ta’ ritratti u pitturi storiċi. Tagħrif ieħor jirrigwarda l-konnessjoni bejn l-iljun u l-festa ta’ San Publju, kif ukoll mat-tim tal-futbol ta’ Floriana FC.

Din il-ħarġa tinkludi wkoll artiklu miktub minn Julian Holland, Segretarju tal-Fsobians Club, dwar l-attivitajiet li l-klabb Furjaniż organizza fl-aħħar xhur.

‘IL-FURJANA’ ta’ April fiha wkoll diversi paġni ta’ aħbarijiet dwar il-Furjana u l-Furjaniżi. Fost dawn l-aħbarjiet hemm: il-pubblikazzjoni ta’ ktieb miktub mill-eks Editur tal-gazzetta Dr David Fabri; rikonoxximent nazzjonali mogħti lil Prof Henry Frendo; Dr Joan Abela li qed tgħallem fil-Fakultá tal-Istorja tal-Università ta’ Malta; tislima lil Patri Thomas Moore u lil Cettie Dimech li mietu aktar kmieni din is-sena; u għarusa Furjaniża li ltaqgħet mal-Papa Franġisku fil-Vatikan flimkien ma’ żewġha.

Normalment  ‘il-Ħarġa tal-Festa’ ta’ ‘IL-FURJANA’ tkun l-ewwel waħda tas-sena. Iżda din is-sena hi t-tieni waħda, għaliex f’Jannar kienet ippubblikata ħarġa speċjali bħala tislima lill-memorja tal-Papa Emeritu Benedittu XVI li miet fl-aħħar ġurnata tas-sena l-oħra.

Dan il-Papa kien l-uniku wieħed fl-istorja li qatt daħal fil-Knisja ta’ San Publju fil-Furjana, meta żar pajjiżna fl-2010.

Min jixtieq jibbukkja kopja ta’ din il-ħarġa, inkella jixtieq jabbona għal 5 Ewro biss fis-sena, jista’ jċempel fuq in-numru 79339649.

Sport