Sunday, November 10, 2024

“Irrid bis-sħiħ jinkixef l-ingann u l-qerq ta’ min irid iweġġa’ lili u lil familti”

- Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett

Aqra wkoll

“Fi żmien tliet xhur ipprovaw iwaqqgħuli r-reputazzjoni tiegħi darbtejn, tlieta. Partikolarment żewġ inċidenti rrapportati b’ħafna inkorrettezzi u xi kultant b’gideb sfaċċat li l-ħsieb tagħhom kien biss biex ikissru l-fiduċja tal-elettorat fija. Għalhekk għażilt li nitkellem fuq kemm hu importanti li naħtru malajr Kummissarju għall-Istandards għax irrid bis-sħiħ li jinkixef l-ingann u l-qerq ta’ min irid iweġġa’ lili u lil familti. U bħala familja nieħdu l-ġustizzja li ħaqqna.”

Iddikjara dan is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett f’diskors li għamel fil-Parlament hekk kif kompliet id-diskussjoni b’rabta mal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika, sabiex ikun introdott l-‘anti deadlock mechanism’ fil-proċess tal-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Is-Segretarju Parlamentari Bonett qal li għandna sitwazzjoni ta’ każijiet li qed jiġu riferuti lill-Kummissarju tal-Istandards li għadhom ma bdewx jiġu investigati u mhux jittieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn u din trid tiġi rimedjata malajr għal żewġ raġunijiet.

“L-ewwel sabiex jekk hemm politiku li mhux iġib ruħu kif suppost jiġi investigat għall-aġir tiegħu, u t-tieni jekk hemm wieħed minna li qed isir tentattiv sabiex ikissrulu r-reputazzjoni tiegħu b’gidba wara l-oħra ssir miegħu ġustizzja permezz tal-ġudizzju tal-kummissarju u jitnaddaflu ismu. Jekk hawn xi ħadd li jaf kemm hi importanti t-tieni raġuni, dan huwa jien,” tenna Dr Bonett.

Kien hawn fejn staqsa għalfejn hu, bħall-kollegi l-oħra tiegħu, li għamel minn kollox biex ismu jkun marbut mal-korrettezza u l-kontabilità, illum m’għandux aċċess għall-ġustizzja li ħaqqu.

“Ma nistax nieħu l-ġustizzja li ħaqqna għax quddiemna hemm Oppożizzjoni kapriċċjuża li ħa tibqa’ ssabbat saqajja sakemm jgħaddi u jsir kollox kif trid hi. Oppożizzjoni li temmen fid-demokrazija biss u esklussivament meta terbaħ hi.

“Din l-attitudni hija l-akbar forma ta’ disprezz lejn id-demokrazija tagħna u ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin li għal darba, tnejn, tlieta kienu ċari ħafna dwar min għandu jmexxihom ‘il quddiem.”

“Inħares u nistaqsi meta se tibdew taċċettaw ir-rieda tal-poplu? Meta se tieqfu ssabbtu saqajkom?”, kompla s-Segretarju Parlamentari Bonett filwaqt li nnota kif il-Kap tal-Oppożizzjoni inizjalment kien qabel mal-isem li kien ippropona l-Gvern u issa mhux talli mar lura minn kelmtu talli mhux jgħid għalfejn m’għandhomx fiduċja fil-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi.

“Jiena kelli l-pjaċir nidher quddiemu bħala Avukat. Minkejja li mhux dejjem qbilt mad-deċiżjoni tiegħu dejjem ħriġt mill-awla, nemmen li d-deċiżjoni li kien ħa, ħadha bi trasparenza, integrità, skont l-għarfien tiegħu tal-liġi u skont dak i l-kuxjenza tiegħu għaliha kien ġust.”

Dr Bonett tenna li huwa proprju dan li jistenna mill-persuna li se tokkupa l-kariga ta’ Kummissarju tal-Istandards, li tħaddem il-liġi, li tmexxi l-każijiet li għandha quddiemha bi trasparenza, b’integrità, b’għarfien tal-liġi u b’kuxjenza nadifa.

Sport