Wednesday, April 24, 2024

Innovazzjoni fl-ekonomija l-blu: FDI f’Malta biex jiġu żviluppati sistemi ta’ hydrographic surveys

Aqra wkoll

Malta ntgħażlet bħala l-post ewlieni għall-manifattura, l-iżvilupp u d-distribuzzjoni dinjija ta’ sistemi ta’ stħarriġ idrografiku (hydrographic surveys). R3Vox Ltd, li se tiftaħ il-bibien tagħha fl-Imrieħel, topera b’tagħmir u faċilitajiet state-of-the-art biex toħloq sistemi ta’ stħarriġ idrospazjali b’aspetti avvanzati ħafna. Is-sistemi idrospazjali jistħarrġu u janalizzaw taħt l-ibħra u xmajjar fost oħrajn.

Akkumpanjata mill-fundatur Jens R Steenstrup, id-Direttur Maniġerjali Ruben Cuschieri u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia, il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli żaret il-faċilitajiet. Hemmhekk iltaqgħet mal-membri tat-tim, magħmul minn inġiniera, speċjalisti fl-assigurazzjoni tal-kwalità u tekniċi.

Il-prodott li qed jiġi żviluppat minn R3Vox jista’ jintuża għat-tħammil, ħitan tal-moll u strutturi vertikali, għall-użu f’marine construction kif ukoll offshore windfarms u r-riċerka. Ġie spjegat li l-kumpanija mhux biss żviluppat prodott innovattiv iżda investiet ukoll f’tagħmir edukattiv għat-taħriġ tal-klijenti li jagħmlu użu mill-prodott tagħhom.

“Din il-kumpanija hija eżempju ewlieni ta’ innovazzjoni fl-ekonomija l-blu li tħaddan l-innovazzjoni b’viżjoni li tħares ’il quddiem, u toħloq karrieri ta’ kwalità. Huwa eżempju tanġibbli ieħor tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni li qed ikompli jikber f’pajjiżna,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ministru enfasizzat ukoll il-pjan tal-Gvern li jkompli jiffoka fuq is-settur tal-ekonomija l-blu biex ikompli jattira opportunitajiet sostenibbli f’dan is-settur promettenti, filwaqt li jassigura li l-ibħra tagħna jibqgħu jiġu salvagwardjati b’mod adegwat għall-ġenerazzjonijiet futuri.

L-ekonomija l-blu hija kontributur importanti għall-ekonomija lokali, hekk kif il-Malta Enterprise qed tkompli ssostni diversi investimenti li jagħtu valur miżjud lil dan is-settur b’saħħtu u jsaħħu l-potenzjal ta’ dan is-settur. L-aħħar statistika turi li s-settur marittimu jammonta sa 14% tal-PGD ta’ Malta, inkluż aktar minn 22,000 post tax-xogħol, f’impjieg dirett u indirett.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise qal li l-entita qed tiffoka biex tattira n-negozji li jżidu valur għall-ekonomija ta’ Malta, u R3Vox hija stampa perfetta tat-tip ta’ kumpaniji li Malta trid tattira. “Dan il-proġett iservi bħala tfakkira tal-irkupru ekonomiku qawwi li esperjenzat Malta, kif ukoll ix-xogħol li sar biex il-kumpaniji jibqgħu jiġu attirati lejn Malta anke matul il-pandemija,” qal is-Sur Farrugia.

Min-naħa tiegħu s-Sur Steenstrup qal “Sentejn ilu meta ddeċidejt li nistabbilixxi kumpanija tal-manifattura fl-UE, immedjatament deher ċar li Malta kienet il-post ideali għal kumpanija li tispeċjalizza f’teknoloġija avvanzata. Bil-prodotti li se nkunu qed niżviluppaw, Malta se tkun qed timmanifattura klassi ġdida ta’ sonars għall-mapping taħt l-ilma esklussivi, u mibjugħa lill-klijenti madwar id-dinja.”

Sport