Wednesday, April 24, 2024

“Il-Covid-19 għamlet ħsara kbira lid-dinja mużikali”

Keith Duffy, eks kantant ma’ Boyzone

Aqra wkoll

Keith Duffy huwa kantant Irlandiż, attur u preżentatur fuq ir-radju u t-televiżjoni. Hu jdoqq ukoll id-drums u beda l-karriera professjonali tiegħu mal-band Irlandiża Boyzone, li m’għandha bżonn tal-ebda introduzzjoni. F’dan il-grupp kien hemm membri oħra famużi bħala Ronan Keating, Mikey Graham, Shane Lynch u Stephen Gately, bil-grupp li ġie ffurmat fl-1993.

Sadanittant fis-sena 2000, il-grupp iddeċieda li jmur għall-karriera solo fejn kulħadd qabad it-triq tiegħu. Sadanittant Duffy beda jimraħ ukoll fid-dinja tal-film, serje televiżivi u soap operas. Fost dawn kien hemm Coronation Street u Fair City. Mhux hekk biss, iżda kien hemm żmien fejn beda jippreżenta wkoll xi programmi u fost dawn kien hemm The Box u You’re a Star.

Duffy jwettaq ukoll xogħol filantropiku u magħruf li jgħin f’ħafna kampanji edukattivi sabiex iqajmu kuxjenza fuq xi suġġett partikolari. Fost dawn hu jmexxi grupp ta’ ġenituri li għandhom it-tfal tagħhom bl-awtiżmu. Dan kollu seħħ hekk kif it-tifla tiegħu kellha djanjożi u ta’ 18-il xahar sabu li għandha l-awtiżmu. Fil-fatt hu wieħed mill-mexxejja ta’ Irish Autism Action li dejjem jiġbor fondi sabiex ikompli jqajjem kuxjenza mal-pajjiż u anke jsiru taħditiet fuq livell internazzjonali. 

Duffy kien ir-rebbieħ tas-serje Brittanika The Door lura għas-sena 2010 u spiċċa fit-tielet post fis-serje Celebrity Big Brother tas-sena 2001 u t-tieni fi Splash fis-sena 2014.

Fis-sena 2016, Duffy flimkien ma’ Brian McFadden iffurmaw il-grupp Boyzlife. Huma kellhom diversi tours fl-Istati Uniti, ir-Renju Unit u anke fil-Ġermanja qabel ma’ eventwalment ġew f’Malta wkoll.

Fil-bidu tas-sena l-oħra, huma ħarġu t-tieni studio album bl-isem ta’ Old School li mal-ewwel tahom is-suċċess mixtieq b’diversi diski li telgħu fl-ewwel postijiet tal-klassifika Ingliżi.

Ftit tal-ġimgħat ilu, Duffy kien f’Malta sabiex jieħu sehem f’edizzjoni oħra tal-Beland Music Festival 2022. Fil-fatt kienu l-istess Beland li ġabu lil dan il-kantant f’avveniment li sar bejn id-9 u t-12 ta’ Diċembru. F’erbat iljieli mill-isbaħ kien hemm atmosfera tal-Milied mill-isbaħ iżda ħafna u ħafna mużika fejn fost l-oħrajn kien hemm gruppi u kantanti bħal The Travellers, Ira Losco, Drakard, Brooke, Kevin Borg, Maria Daniela Camilleri, Claudia Faniello u Ryan Hili flimkien mal-banda Beland. 

U appuntu kien hemm ukoll il-BoyzLife fejn Keith Duffy u Brian McFadden għalqu s-serata bi spettaklu mill-aqwa.

Talk.mt ħa l-okkażjoni sabiex jagħmel intervista ma’ Duffy fejn tkellem b’mod partikolari dwar l-evoluzzjoni li ra fil-karriera tiegħu fil-qasam tal-ispettaklu.

Iżda kif beda l-imħabba tiegħu lejn il-mużika?

“Kien missieri Sean li introduċieni mad-dinja tal-mużika. Ħija l-kbir Derek u ż-żgħir John wkoll riedhom jidħlu u tista’ tgħid li l-familja kollha spiċċat waħda mużikali.”

“Għall-bidu jien kont nilgħab il-futbol u kont nirrappreżenta anke lit-tim ta’ taħt is-16-il sena ta’ Dublin. Madankollu meta kelli appuntu 16-il sena kont xtrajt kit tad-drums u minn hemm bdejt nipprattika dan l-istrument. Meta tfarfart bdejt ukoll nipprattika fil-garaxx ta’ sieħbi u minn hemm flimkien ma’ oħrajn iffurmajna l-grupp Toledo Moon. Aktar tard kelli wkoll sehem fi grupp ieħor bl-isem ta’ This Burning Effigy.”

Duffy kien iħobb ħafna l-iskola u dejjem kien iġib marki tajbin fl-eżamijiet ferm kompetttittivi Irlandiżi. Fil-fatt aktar tard fl-eta’ ta’ 25 sena studja l-arkitettura fil-kulleġġ għalkemm qata’ qalbu u ried ikompli l-karriera tiegħu fil-mużika. Dan kollu tah raġun għax hemmhekk ġie ffurmat Boyzone.

Insaqsuh dwar kif spiċċa ma’ dan il-grupp.

“Għalkemm fil-provi ma tantx kont mort tajjeb, ċertu Louis Walsh li kien ukoll il-manager ta’ din il-band kien innutani waqt karaoke li kont ħadt sehem fih. Dakinhar kont kantajt żewġ diski ferm għal qalbi Piano Man u I’m Too Sexy, hu riedni nerġa’ nipprova nagħmel prova oħra.”

Ma’ Boyzone, hu kellu aktar rwol ta’ backing vocal b’Ronan Keating u Stephen Gately li aktar kienu jinstemgħu jkantaw ħafna mis-suċċessi tagħhom.

Madankollu fis-sena 2000 kulħadd mar għal rasu u eventwalment Duffy qabad triq għalih. Kif ħassu wara dan kollu?

“Naħseb jiġi punt fejn wara li tkun għamilt numru ta’ snin bħala grupp, il-kimika bejnietna ma tibqax l-istess. Kien hemm punt fejn ma stajniex nibqgħu flimkien u bir-raġun qbadna toroq differenti. Dan kollu ma jfissirx li ma tgħallimniex flimkien u rrikonoxxejna dan.”

“Jien bdejt nimraħ ukoll f’qasam ieħor televiżiv fejn skoprejt ħiliet ġodda lil hinn mill-mużika. Hawnhekk inħoss li tajt il-mija fil-mija tiegħi u dan kollu jidher mill-ammont ta’ produtturi li bdew ifittxu s-servizzi tiegħi.”

Duffy qalilna li din kienet l-ewwel darba li ġie Malta. Irrimarka dwar is-sbuħija tal-gżira, it-temp sabiħ u klima mediterranju, ferm differenti mill-belt kapitali Irlandiża Dublin fejn bħalissa qed tagħmel ħafna kesħa. Irrimarka wkoll li ħa pjaċir fil-Beland Music Festival u kien kuntent li ġie mistieden f’avveniment daqshekk importanti.

Id-diskors waqa’ wkoll fuq il-pandemija tal-COVID-19 u kemm din effettwat mhux ftit id-dinja mużikali u l-artisti, kantanti u produtturi infushom.

“Il-COVID-19 għamlet ħsara kbira lid-dinja mużikali. Kien hemm ħafna li kellhom jieqfu għax ma setgħux ikampaw bl-ispejjeż u kontijiet li xorta riedu jitħallsu. Ħafna talent intilef u kien perjodu ta’ dipressjoni u dwejjaq kbar li qatt ma esperjenzajna.”

“Min kien xi ftit tajjeb ekonomikament kellu ċ-ċans li jieħu pawsa mix-xogħol, jaħseb f’iktar xogħol mużikali u forsi jgawdi iktar il-familja. Min ma setax jagħmel hekk, kellu jfittex xogħol ieħor. Madankollu dan il-perjodu iswed għadda u issa kulħadd jista’ jerġa’ jwettaq dak li jħobb u allaħares ma kienx hekk!”

Finalment tlabna lil Keith Duffy sabiex iwassal messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jaqbdu karriera fil-mużika.

“L-ewwelnett jekk għandek ħolma ara li twettaqha. Kollox jibda b’ħolma u jekk taħdem u tistinka għaliha din issir realta’. Int tista’ tiddeċiedi l-futur tiegħek u ħadd iktar.”

“Jekk int taħdem qatigħ se tieħu r-riżultati, se jkun hemm aktar opportunitajiet u fuq kollox se tħoss sens kbir ta’ sodisfazzjon li dak li ħdimt għalih qed iwassal għal xi ħaġa.”

Sport