Tuesday, May 14, 2024

“Irrid inkompli nirriġenera ’l-partit għax il-mument li nieqfu, nieqfu nikbru”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt diskussjoni b’tema politika dwar l-għoli tal-ħajja, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar numru ta’ proposti li l-partit tiegħu għandu jekk kemm-il darba l-poplu jasal jagħtih il-fiduċja.

Riġenerazzjoni tal-partit

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar ir-riġenerazzjoni fil-partit u sostna li filwaqt li hemm element ġdid li qiegħed jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista, jħoss li hemm bżonn il-kontribut ta’ dawk l-individwi li ħadmu, għadhom jaħdmu fil-partit u għad għadhom x’jikkontribwixxu.

Rigward dawk li għażlu ma jikkontestawx, Grech qal li hu jirrispetta d-deċiżjoni tagħhom u kjarifika li d-deċiżjoni tagħhom ma tfissirx li hemm xi problema mal-partit iżda għax fehmu li wasal iż-żmien biex jieqfu.

“Irrid inkompli nirriġenera l-partit għaliex jekk nieqfu nirriġeneraw lill-partit dak huwa l-mument li nieqfu nikbru”, tenna Grech.

L-irwol tal-mara u l-bżonn ta’ aktar ugwaljanza fil-prattika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li dan il-mument huwa għalih esperjenza sabiħa b’tim ta’ kandidati li lesti biex iservu. 

Fuq dak li qalet martu rigward il-bżonn ta’ bilanċ fil-familja, Grech qal li hemm bżonn li nirrikonoxxu x-xogħol indispensabbli ta’ dawk in-nisa li jibqgħu d-dar biex iservu lill-familja.

Huwa fakkar tfulitu u li minkejja li missieru kien jaqla’ l-għajxien, mingħajr martu ma kien xejn għax hi kienet il-bastun tal-familja u l-edukazzjoni.

Grech sostna li għad hawn koppji li jaħdmu t-tnejn fejn il-mara għadha mhijiex issib is-sapport fit-trobbija tal-ulied u għalhekk jeħtieġ li nedukaw aħjar favur din il-mentalità ta’ ugwaljanza bejn ir-raġel u l-mara fid-dmirijiet.

L-għoli tal-ħajja

Dwar l-għoli tal-ħajja, Grech qal li hija realtà ġejja minn diversi fatturi. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ilu jistudja dwar dan u wieħed mill-metodi li sab huwa li jgħin lill-importatur biex iwittilu t-tikmix li qiegħed ikollu. Grech spjega li gvern nazzjonalista se jkun qiegħed jikkrea fond ta’ €40 miljun biex jagħmel tajjeb għal dawn l-ispejjeż tal-importaturi u l-esportaturi.

Qal ukoll li biex jgħin lill-anzjani, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi li jħallas servizz bla ħlas ta’ tabib u anke mediċini fost ideat oħra.

Il-familja u ż-żgħażagħ

Rigward iż-żgħażagħ, Grech qal li jemmen li huma l-preżent u l-futur u għalhekk gvern nazzjonalista se jkun qiegħed jinċentivhom b’għotja ta’ €500 biex imorru jagħmlu esperjenza barra minn pajjiżna biex iwessgħu l-orizzonti tagħhom.

Grech ħabbar li gvern nazzjonalista se jkun qiegħed inaqqas mid-dħul taxxabbli tagħhom il-miżati tal-iskejjel, attivitajiet extrakurrikulari u dawk sportivi biex il-ġenituri jkunu jistgħu jkomplu jinvestu f’uliedhom għax l-edukazzjoni mhijiex biss fl-iskola.

Dawn il-ġenituri taħt it-18-il sena se jkunu qegħdin jingħataw għotja ta’ €300 biex jipparteċipaw f’assoċjazzjoni strutturata u fl-istess waqt ikun qiegħed jinċentiva dan l-ambjent regolarizzat.

Sport