Saturday, December 21, 2024

“Irridu li dan il-gvern jibni kredibilità wkoll fil-qasam tal-ambjent” – Il-Ministru Clyde Caruana

Aqra wkoll

“Kif dan il-gvern matul l-aħħar snin ġab bidla serja fil-qasam tax-xogħol, irridu li issa bil-mod il-mod dan il-gvern jibni kredibilità wkoll fil-qasam tal-ambjent.”

Hekk qal il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana fit-tielet laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblka ta’ qabel il-baġit li saret ġewwa ċ-Ċittadella, f’Għawdex.

Fost id-diversi temi li ġew diskussi, il-Ministru Caruana tkellem dwar l-iżvilupp ekonomiku u l-ambjent. Qal li biex ikunu jistgħu jtejbu l-ambjent tagħna, iridu jassiguraw li l-finanzi tal-pajjiż ikunu fuq saqajhom.

Għal darb’oħra assigura li dan il-baġit se jkun wieħed mingħajr baġit u l-baġit ta’ wara wkoll. Qal li dan kollu jagħmluh għax għandhom l-għaqal u dak l-għaqal iridu jibżgħu ħafna għalih għax qal li b’hekk lill-uliedna nkunu nistgħu nħallu pajjiż aħjar. 

Dwar l-iżvilupp ekonomiku u l-ambjent, il-Ministru Caruana qal li jaħseb li huma punti li għandhom imorru flimkien. Qal li Għawdex ġeneralment jiġi assoċjat ma’ inqas ġenn minn Malta u iktar ħdura li min-naħa tagħhom mbagħad l-Għawdxin jassoċjaw ma’ livell ta’ għajxien li mhux daqs ta’ Malta u li għandu ċertu sfidi minħabba l-insularità doppja. 

Żied jgħid li f’dan il-pajjiż, sa mill-qedem, dejjem kelna kilba għall-kostruzzjoni u sa ċertu punt, għax dejjem nibnu, dejjem inħossu li l-ispazji miftuħa u l-ambjent jaqgħu lura. Qal li issa qed naraw li l-iktar ħaġa li tibda tħoss in-nuqqas tagħha hija dik l-iktar ħaġa li m’għandekx u proprju dik il-ħaġa li qed nibdew naraw tonqosna huma l-ispazji miftuħa u l-ambjent minnu nnifsu.

Qal li s-soluzzjoni għal dan kollu hija li jinvestu fin-nies għax forsi l-iżball li l-politiku li dejjem għamel matul is-snin dejjem kien li l-iktar mod faċli ta’ kif l-ekonomija ttiha l-ispinta hija li tikber il-kostruzzjoni. Qal iżda li ma tistax tibqa’ sejjer dejjem hekk fost l-oħrajn għax għandna gżira bl-ispazju limitat tagħha. 

Il-Ministru Caruana tkellem dwar l-importanza tal-edukazzjoni għax sostna li dik hija importanti peress li iktar ma l-bniedem huwa edukat, iktar jista’ jiftaħ opportunitajiet f’ħajtu u iktar ma jagħmel dan, iktar ikollu dħul. Qal li mhux kumbinazzjoni li ftit tal-jiem qabel ma se jiġi preżentat il-baġit se tiġi mnedija l-politika nazzjonali għas-suq tax-xogħol. 

Rigward l-għajnuna soċjali u l-għajnuna fuq min ikollu bżonn apparat mediku, il-Ministru Caruana qal li bħalma għamlu fil-baġit preċedenti, u f’dan il-baġit, se jkunu qed jonfqu aktar minn dak li nefqu qabel għax jirrikonoxxu l-fatt li minkejja l-isfidi kollha l-bżonnijiet soċjali jibqgħu hemm. 

Dwar il-persuni b’diżabilità u l-ġenituri tagħhom li jixtiequ li jkollhom ċertu tax credits minħabba l-ispejjeż, jirrikonoxxi li hemm ċertu spejjeż li żiedu u l-gvern irrid jisma aktar il-karba tan-nies.

Dwar il-bonus u l-pensjonanti, fakkar li kif diġà semma f’laqgħat preċedenti, se jkunu qed iwieżnu lill-pensjonanti b’mod sostanzjali u żgur li se jkollhom biex ikunu kuntenti fil-baġit li jmiss.

Waqt il-laqgħa ssemmew ir-roħs fuq il-liċenzji. F’dan ir-rigward il-Ministru Caruana qal li mhux jara li f’dan il-baġit ikun hemm roħs fil-liċenzji.

Ekonomija

Sport