Sunday, November 24, 2024

“Irridu li n-nies neqsin mid-dawl u mill-vista jingħataw aktar appoġġ fis-soċjetà!” – VNVN

Il-GWU u l-UĦM jiltaqgħu mal-organizzazzjoni volontarja Visual Non Visual Network

Aqra wkoll

F’laqgħa li saret bejn il-General Workers’ Union (GWU) u l-UĦM Voice of the Workers ma’ rappreżentanti tal-organizzazzjoni volontarja Visual Non Visual Network (VNVN), ġie diskuss kif in-nies neqsin mid-dawl u mill-vista jistgħu jingħataw aktar appoġġ fis-soċjetà tagħna.

“Il-missjoni tagħna f’din l-organizzazzjoni volontarja hija li nagħtu appoġġ u għajnuna lill-komunità ta’ nies neqsin mid-dawl għal ħiliet ġodda u jkunu aktar awtonomi. Aħna nistinkaw biex nappoġġjaw lil dawn l-individwi fil-vjaġġ tagħhom lejn l-integrazzjoni fis-soċjetà, biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti u sodisfaċenti. Flimkien qegħdin naħdmu biex neliminaw kull ostaklu u noħolqu futur aktar inklussiv għall-persuni neqsin mid-dawl,” qal il-fundatur tal-organizzazzjoni Noel Farrugia.

Bridget Micallef u Maria Elich, żewġ rappreżentanti tal-organizzazzjoni li huma neqsin mid-dawl spjegaw kif VNVN qiegħda toffri taħriġ qasir lill-kumpaniji li juru interess li jgħinu aktar lill-persuni neqsin mid-dawl u mill-vista.

“L-organizzazzjoni tagħna qiegħda tistinka biex ikun hemm aktar inizjattivi simili f’pajjiżna. Qiegħed jingħata taħriġ lil diversi ħaddiema bħax-xufiera tat-taxis u l-ħaddiema fil-lukandi fost oħrajn, biex dawn ikunu konxji ta’ ċerti fatturi li aħna jkollna naffaċċjaw, li persuna li għandha d-dawl u l-vista ma tirrealizzahomx. Aħna ma rridux karità imma solidarjetà, inklużjoni. Għajnuna minħabba l-kundizzjoni iżda mhux aġevolazzjoni,” qalet Maria Elich, is-Segretarju Ġenerali tal-VNVN.

Fosthom semmew eżempji żgħar bħal meta jiġu mitluba jimlew paġni sħaħ ta’ formoli mingħajr sistema tal-Braille. Dawn il-formoli jistgħu jiġu ssimplifikati biex inaqqsulhom mill-kumplikazzjonijiet.

Bl-iskop li jifhmu aħjar id-diffikultajiet ta’ persuni neqsin mid-dawl u mill-vista, ir-rappreżentanti tal-GWU u l-UĦM kienu mitluba jiffirmaw karta b’għajnejhom magħluqa.

“Mill-banda l-oħra aħna għandna wkoll il-kapaċitajiet tagħna u għalhekk nixtiequ niġu integrati fl-oqsma relatati. Iżda l-ewwel u qabel kollox biex niġu integrati, in-nies hemm barra jridu jitgħallmu jifhmu s-sitwazzjoni tagħna u jaraw kif l-aħjar jinkluduna. B’hekk ningħaqdu fid-diversità,” żiedet tgħid Bridget Micallef, li taħdem bħala tajpista fil-Parlament ta’ Malta.

Ir-rappreżentanti tal-GWU u l-UĦM qablu li bħala trejd unjins jifhmu u jaqblu mal-għan tal-VNVN li qiegħda taħdem biex tinħoloq soċjetà li tapprezza u tappoġġja dawn il-perspettivi uniċi u jinħoloq ambjent inklussiv. Offrew ukoll li jikkollaboraw ma’ din l-organizzazzjoni biex flimkien ikomplu jagħtu l-appoġġ totali tagħhom lill-persuni neqsdin mid-dawl u mill-vista.

Sport