Monday, April 29, 2024

“Irridu nadattaw għal temperaturi għoljin anke f’attivitajiet bħat-tiġrijiet taż-żwiemel”

Jirritornaw it-tiġrijiet fit-toroq f’Ta’ Sannat wara żmien ta’ pandemija

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“It-tradizzjonijiet huma importanti għall-kultura ta’ pajjiżna. Pero l-ħarsien tal-annimali għandu jkun il-priorità ewlenija f’attività bħal din.” Sostniet dan is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said f’kumment lil talk.mt b’rabta mar-ritorn tat-tiġrijiet tal-bhejjem f’Ta’ Sannat wara żmien ta’ pandemija.

Bugeja Said tkellmet ma’ dan il-ġurnal dwar ir-realtà fit-tibdil fil-klima. Kien għalhekk li enfasizzat li t-temperaturi għolja li qed tesperjenza l-Ewropa u pajjiżna huma fenomeni li rridu nadattaw għalihom anke f’attivitajiet bħat-tlielaq taż-żwiemel.

Is-Segretarju Parlamentari qalet li huwa ta’ sodisfazzjon li tara li fil-każ tas-Sannat intlaħaq il-bilanċ neċessarju sabiex it-tiġrijiet isiru skond il-linji gwida li ġew irrakomandati mid-Dipartiment tar-Regolazzjoni Veterinarja.

B’rabta ma’ dawn it-tiġrijiet li kienu skedati li jsiru fis-1:30 p.m qamet kontroversja fil-midja soċjali b’ħafna attivisti tal-annimali jisħqu li dak il-ħin ma kienx wieħed adattat u li kien se jfisser f’atti ta’ moħqrija fuq il-bhejjem involuti.

Attivisti oħrajn saħansitra saħqu li dawn it-tiġrijiet mhumiex parti mit-tradizzjoni u li ma jfissirx li għax fil-passat kienu aċċettati, dawn għandhom jitħallew isiru. 

F’tentattiv biex jintlaħaq kompromess bejn id-dilettanti u dawn il-ħsibijiet, il-Kunsill Lokali rreveda l-programm skedat u kien hemm qbil li dawn jibdew fl-4:00 p.m.

B’reazzjoni għal dak li qalu l-attivisti, numru ta’ dilettanti saħqu li dawn it-tradizzjonijiet m’għandhomx jiġu mittiefsa u li filwaqt li laqgħu t-tibdil fil-programm, kienu kuntenti li wara żmien ta’ restrizzjonijiet, dawn it-tiġrijiet setgħu jirritornaw.

Sport