Friday, December 13, 2024

“Irridu nagħmlu kull sforz biex il-ħajja umana nipproteġuha u nsalwaha”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Isqof Awżiljarju waqt il-quddiesa fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja

Waqt li rrefera għall-qtil ta’ Paulina Dembska f’Tas-Sliema u l-mewt tat-tifel ta’ ħames  snin Rayan wara li waqa’ f’bir fond fil-Marokk, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal li dawn iż-żewġ ġrajjiet f’kuntrast kbir għandhom żgur isaħħuna fl-impenn tagħna li nagħrfu li l-ħajja umana hi imprezzabbli u għandna nagħmlu kull sforz biex nipproteġuha u nsalvawha.

Huwa qal dan fl-omelija tiegħu waqt il-quddiesa fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja li saret ilbieraħ fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Il-quddiesa kienet ukoll ikkonċelebrata minn Mons. Charles Attard, id-Direttur tal-Moviment ta’ Kana. 

L-Isqof Awżiljarju qal ukoll li l-valur tal-ħajja stajna nifhmuh aktar fl-esperjenza kerha tal-pandemija tal-Covid-19 li għexna u għadna qed ngħixu. Qal li hu virus li jhedded is-saħħa imma wkoll il-ħajja ta’ ħafna – u rridu niftakru li bħalissa kuljum nisimgħu b’numru ta’ mwiet. 

“Din l-esperjenza kiefra tgħinna nagħrfu kemm il-ħajja hi prezzjuża u jeħtieġ li tiġi mħarsa minn dak kollu li jheddidha. Irridu nuru l-apprezzament għal dawk kollha li ħadmu u qed jaħdmu għall-protezzjoni tal-ħajja fiż-żmien tal-pandemija.”

Huwa saħaq ukoll li l-ħajja umana hi għażla mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha u li tibqa’ għażiża sat-tmiem naturali tagħha, jiġifieri f’kull waqt tagħha.

“Nixtieq li tkun ċara li meta aħna nitkellmu fuq l-għożża tal-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil, u r-rispett lejn id-dinjità ta’ din il-ħajja li bdiet, ma ngħidux hekk għax il-fidi tgħidilna li hemm il-ħajja umana mill-konċepiment, jew għax il-Knisja tgħidilna hekk. Hi x-xjenza li tgħidilna din. Anke scan tat-tarbija fil-ġuf turik l-iżvilupp gradwali tal-ħajja umana meta tarbija għadha ma twelditx. Trid sempliċiment tagħlaq għajnejk biex ma tarax ir-realtà li qiegħda quddiemek. Mhumiex il-kwantità ta’ ċelloli li jiddeterminaw jekk hiex ħajja umana jew le. Ix-xjenza tgħidilna li l-ħajja umana bdiet. Il-fidi tagħna, imbagħad, tgħinna biex fil-ħajja umana li bdiet, nagħrfu x-xbieha ta’ Alla, għax Alla hekk ħalaqna: xbieha tiegħu,” tenna l-Isqof Awżiljarju Galea-Curmi.

“Il-protezzjoni tal-ħajja huwa impenn li rridu nieħdu”

Huwa fakkar ukoll li l-protezzjoni tal-ħajja huwa impenn li rridu nieħdu, prinċipju li nħaddnu u mhux konvenjenza ta’ żmien. Qal li mad-difiża tal-ħajja tat-tarbija li għadha ma twelditx, aħna rridu naħdmu għall-kultura favur il-ħajja f’kull waqt tal-ħajja tal-bniedem.

“Kull meta l-ħajja umana hi fil-periklu, lilna għandha ssibna lesti biex niddefenduha. Jista’ jkun xi ħadd li qiegħed f’nofs ta’ baħar, jissielet biex jgħix u qed jistenna min jgħinu biex ma jispiċċax jisparixxi taħt l-ilma; jista’ jkun min qiegħed f’periklu minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena li fihom jgħix; jista’ jkun min ikun ittentat biex jieħu d-droga, bir-riskju li jitqarraq għax tiġi ppreżentata lilu bħala oġġett ta’ divertiment u tgawdija mingħajr konsegwenzi; jista’ jkun min hu anzjan u marid, u qed jibża’ li jitqies bħala persuna li għalqilha ż-żmien biex tgħix. 

“Bħala bnedmin ta’ prinċipju, għandu jkollna tolleranza żero għal kull theddida għall-ħajja, u nħeġġu kull tip ta’ azzjoni favur il-ħajja. Insemmi, bħala eżempji, il-ħarsien tal-ambjent, ħolqien ta’ Alla; l-għoti tad-demm; is-sewqan responsabbli; l-attenzjoni waqt il-kostruzzjoni biex ma jkunx hemm vittmi tat-traksuraġni; u l-għajnuna lill-vittmi ta’ vjolenza domestika biex jistgħu joħorġu mis-sitwazzjoni ta’ abbuż u ta’ theddida għal ħajjithom. 

“Dawn huma eżempji konkreti. Huwa sewwasew meta aħna nipproteġu l-ħajja umana mit-tnissil, mill-bidu nett tagħha, li nkunu qegħidna l-pedament biex nistgħu naħdmu bis-sħiħ favur il-ħajja umana f’kull waqt tagħha, u l-ħajja b’dinjità,” tenna l-Isqof Awżiljarju.

Huwa tenna li rridu wkoll insaħħu l-impenn tagħna biex ngħinu lil min jgħaddi mit-tbatija. Kien hawn fejn semma partikolarment lin-nisa li jkollhom diffikultà matul it-tqala. Qal li rridu nkomplu nagħtu l-appoġġ u l-għajnuna meħtieġa lil dawn in-nisa li l-piżijiet jintefgħu fuqhom u jitħallew waħedhom.

“Kull vittma tkun qed tokrob għall-għajnuna. Irridu naħdmu flimkien ħalli dawn in-nisa ma jsibux ruħhom waħedhom, imma jsibu tassew l-appoġġ u s-solidarjetà li jeħtieġu fiż-żmien diffiċli li jkunu fih.”

Ekonomija

Sport