Thursday, April 18, 2024

“Irridu nagħtu l-qasba biex in-nies jistadu mhux il-ħuta”

Stephen Vella Direttur tad-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) tagħmel
parti mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal (MSPC). Il-Fondazzjoni hija l-aġenzija nazzjonali ta’ ħarsien soċjali f’Malta u Għawdex u toffri għajnuna minn professjonisti mħarrġin apposta f’dan il-qasam. Il-Fondazzjoni timpjega ‘l fuq minn 1,000 impjegat li l-maġġoranza assoluta tagħhom (73%) huma ħaddiema soċjali (social workers), terapisti tal-familja, psikologi, psikoterapisti, ħaddiema fil-komunità (community workers), ħaddiema maż-żgħażagħ (youth workers), social mentors u support workers fost l-oħrajn. L-FSWS taħdem ukoll fl-isptarijiet u ċentri tas-saħħa, tmexxi l-linji 179, 1772 u 1778 u tikkordina l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropeja għal internet aktar sikur permezz tal-programm Be Smart Online! u ċ-Child Web Alert.

L-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Fondazzjoni Charlo Lautier tkellem fid-dettall mad-Direttur tas-Servizzi Korporattivi fi ħdan l-FSWS Stephen Vella dwar il-ħidma li titwettaq.

X’inhi l-filosofija wara l-ħidma soċjali li titwettaq fi ħdan il-Fondazzjoni?

Kull min jaħdem fil-kamp soċjali u għandu għal qalbu n-nies vulnerabbli jrid jemmen fi prinċipju fundamentali. Prinċipju li n-nies li jiġu jitolbu l-għajnuna ngħinuhom biex ikampaw fil-ħajja biex isiru iktar indipendenti u mhux jibqgħu jiddependu fuq il-benefiċċji u servizzi soċjali. Jekk ma nżommux dak il-prinċipju fundamentali nkunu qed nagħmlu lin-nies aktar dipendenti fuq is-soċjetà. Mentri l-ħidma tagħna kollha għandha tkun biex ngħinu lin-nies isiru indipendenti permezz ta’ ħidma, studju, għaqda fil-familja, għajnuna soċjali eżistenti bħal self mill-banek, ta’ ikel jekk hemm bżonn għal ċertu żmien u dak kollu li jgħin lin-nies isiru indipendenti. L-iskop tagħna huwa li ngħinu lil dawn in-nies jimirħu u jaħdmu għal rashom u mhux jibqgħu dipendenti mill-għajnuna.

Jekk tridu n-nies indipendenti għaliex tqassmu l-ikel?

Għax dawn in-nies jistħoqqilhom l-aħjar. In-nies għandhom bżonn ħidma intensiva u professjonali biex l-għan jintlaħaq. Mill-iskema tal-Unjoni Ewropea msejħa FEADngħinu madwar 3,500 familja, filwaqt li l-iskema nazzjonali tgħin madwar 19-il elf familja, li ħames darbiet fis-sena insejħu ammont ta’ nies li jkunu qed jirċievu xi benefiċċju mis-Sigurtà Soċjali fejn jirċievu ammont ta’ ikel. Din mhix xi skema fejn persuna tapplika għaliha iżda l-persuni jiġu magħżulin skont x’benefiċċju ta’ għajnuna jkunu qed jirċievu. B’dan il-għan aħna niġu f’kuntatt ma’ dawn il-familji u ngħinuhom fuq bosta skemi differenti. Fost l-iskema hemm ukoll dik li nqassmu l-kotba waqt li qed inqassmu l-ikel biex dawn il-familji jkollhom librerija fid-djar tagħhom biex lil uliedhom jaqraw magħhom. Għal dawk il-persuni li ma jafux jaqraw hemm taħriġ offrut mill-aġenzija tal-litteriżmu f’Malta fejn dawn jgħinuhom biex jaqraw mat-tfal u allura aħna permezz tal-kaxxa tal-ikel inkunu qed nilħqu wkoll ċertu familji li l-istat jikkonsidra l-iktar vulnerabbli biex ngħinuhom javvanzaw il-quddiem. 

X’inhi l-iskema tas-self mill-banek?

Bħala Fondazzjoni ħdimna mal-Awtorità tad-Djar fejn għamilna profil ta’ kull persuna li kienet fil-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali u fejn rajna persuni li huma kapaċi jfaddlu, għalkemm il-Gvern kompla jtihom is-sussidju fuq il-kera, llum il-ġurnata din il-kera nbidlet f’self mal-bank u minflok jikru qed jixtru akkomodazzjoni u allura meta dawn il-persuni jaslu biex jieħdu l-pensjoni l-post ikun tagħhom. Din it-tip ta’ kollaborazzjoni mal-Awtorità tad-Djar li tirreferilna persuni, aħna permezz tal-ħaddiema soċjali tagħna u bl-għajnuna ta’ żewġ banek lokali niffaċilitaw li jittieħed dan is-self minflok il-persuni jibqgħu għaddejjin bil-kirja. Aħna nibqgħu ngħinu dawn il-persuni sakemm isibu post biex jixtru, sakemm jingħata s-self mill-bank u sakemm ukoll il-post isir tagħhom.

X’tip ta’ proġetti tapplikaw għalihom mill-Ewropa?

Għadna kemm temmejna b’suċċess l-OK Project li kien immirat u indirizza żgħażagħ vulnerabbli fejn ilħaqna ‘l fuq minn 500 mitt żagħżugħ u żagħżuha li permezz tal-proġett offrejnilhom bosta opportunitajiet differenti minħabba li ma setgħux jaslu waħedhom minħabba d-diffikultà ta’ ħajja li kienu qed jgħixu. Eżempju kien hemm min xtaq jitgħallem il-karozza biex iġib il-liċenzja ħalli jkun jista’ jaħdem bħala salesperson jew driver imma ma kellux l-ammont ta’ flus biżżejjed biex iħallas għal-lezzjonijiet tas-sewqan u allura ma setgħax japplika għal dak it-tip ta’ xogħol. Allura hemmhekk aħna ħallasna biex dawn iż-żgħażagħ setgħu jġibu l-liċenzja tas-sewqan u bl-impenn ħabrieki tagħhom, illum il-ġurnata ammont ta’ persuni saru indipendenti minħabba dan il-proġett. Tajna għajnuna wkoll lil bosta persuni oħrajn biex ħadu taħriġ ta’ nail technicians, hairdressers u għadd ta’ taħriġ f’diversi oqsma oħrajn. Rajna li l-intervent ta’ dan il-proġett kien se jwassal għal ħajja ta’ suċċess għal bosta u allura minflok ħallejna lil dawn iż-żgħażagħ dipendenti għal ħajjithom kollha fuq il-benefiċċji soċjali, investejna sew issa u ladarba akkwistaw l-indipendenza huma kampaw u saru indipendenti. Allura bi pjaċir ngħid li dik hija l-filosofija li nimxu biha aħna. 

Xi proġetti għandkom bħalissa?

Bħalissa għaddejjin fuq proġett ieħor biex ngħinu lil dawk li qed jiġu traffikati f’pajjiżna u għandna post fejn nospitaw lil nies li jiġu riferuti lilna mill-awtoritajiet konċernati u kompetenti. Permezz tal-ħaddiema soċjali tagħna ngħinuhom b’mod legali kif ukoll b’mod umanbiex huma jkunu jistgħu jew imorru f’pajjiżhom jew jintegraw fil-ħajja tagħna. 

Ġeddidna wkoll il-kuntratt tal-BeSmartOnline! fejn hemm qed nagħtu servizz ma jidhirx imma mportanti ħafna fejn ikun hemm xi esplojtazzjoni ta’ tfal fuq xi siti porngrafiċi jew inkella jekk xi siti jkollhom lit-tfal involuti fihom. B’kollaborazzjoni mal-Pulizija jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex dawk is-siti jingħalqu u jekk ikunu mtellgħin lokalment il-Pulizija lokali tipproċedi kontra min għamel dak is-sit pornografiku. 

Għandna proġett ieħor fejn aħna inħarrġu wkoll lill-ħaddiema tagħna biex javvanzaw ’il quddiem biex hekk il-ħaddiema tal-Fondazzjoni li jammontaw madwar elf, ikollhom taħriġ kontinwu biex ma jistaġnawx. Naraw ukoll x’servizzi u x’opportunitajiet hemm fil-pajjiż u fuq livell Ewropew biex il-ħaddiema jkomplu javvanzawh  ’il quddiem. 

X’ħidma titwettaq mid-Dipartiment li inti tagħmel parti minnu tas-Servizzi Korporattivi?

Bħala tim li naħdem fih jiena, id-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi li huwa magħmul minn 25 persuna fi ħdan il-fondazzjoni, nieħdu ħsieb ‘il fuq minn 70 binja li noperaw fihom f’Malta u Għawdex. Nieħdu ħsieb ukoll l-infrastruttura tal-informatika bħal kompjuters u t-telefonija, ix-xiri ta’ kull mhu meħtieġ fi ħdan il-Fondazzjoni; tista’ tgħid minn lapes sa karozzi u sa kull ħaġa li għandna bżonn. Nieħdu ħsieb ukoll il-manutenzjoni tal-binjiet tagħna, l-assikuarazzjoni tal-ħaddiema u tal-karozzi kif ukoll tal-binjiet kollha li noperaw fihom, allura tista’ tgħid li x-xogħol tagħna f’dan id-dipartiment huwa l-back office biex l-aġenziji kollha fi ħdan il-Fondazzjoni joperaw mingħajr xkiel u allura dik hija xi ħaġa li aħna kontinwament naħdmu biex navvanzaw fiha biex is-servizz li nagħtu lil dawn l-entitajiet ikun servizz professjonali. 

Minn Charlo Lautier – Uffiċjal tal-Komunikazzjoni tal-FSWS

Ekonomija

Sport