Wednesday, April 24, 2024

ENERĠIJA MIX-XEMX

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Ingergru b’kemm għamlet u qed tagħmel sħana waqt li nafu kif ix-xemx tista’ tkun l-aqwa sors ta’ enerġija naturali li pajjiżna l-aktar jista’ jistrieħ fuqha.

Matul is-snin, ittieħdu inizjattivi minn gvernijiet differenti biex ir-raġġi tax-xemx jintużaw aktar ħalli jiġġeneraw elettriku li jista’ jintuża direttament fid-djar fejn joqogħdu n-nies u dak li jibqa’ minnu, jiddaħħal fil-provista publika tal-elettriku. 

Minkejja l-progress li sar, jibqa’ s-suspett li bqajna ma għamilniex “kollox” biex niġġeneraw l-enerġija kollha li x-xemx tista’ tipprovdilna. Ikun dnub jekk din il-biċċa tinbidel f’futboll politiku. Jekk hemm bżonn ta’ aktar sforzi u ideat ġodda f’dal-qasam, ejja nagħmluhom u ejja nsibuhom. Iċ-ċirkostanzi li żviluppaw dwar it-tisħin globali tal-klima u dis-sena, dwar is-sigurtà fil-provista ta’ enerġija jirrekjedu li nqisu x’jista’ jsir aħjar b’mod oġġettiv.

Forsi hemm bżonn ta’ stħarriġ indipendenti li jevalwa klinikament x’wettaqna sa issa fil-qasam tal-enerġija solari u kif nistgħu nagħmlu l-aqwa użu tiegħu.

PRIORITAJIET FIT-TOROQ

Minn kif huma organizzati l-affarijiet fit-toroq tagħna hi ħaġa ċara x’saru l-prioritajiet f’pajjiżna kull fejn jitrabba t-traffiku.

L-ewwel priorità hi l-interess tas-sewwieqa tal-karozzi, inklużi trakkijiet u xarabankijiet. It-tieni priorità hu dak taċ-ċiklisti u s-sewwieqa ta’ l-escooters. Fl-aħħar jiġu dawk li jimxu mat-toroq. 

  Mhux ta’ b’xejn li s-suċċess tal-programmi ta’ investiment għall-bini tat-toroq  jitkejjel b’kemm se jitnaqqas il-ħin li karozza tieħu biex tasal minn post għal post. Dan juri li għad jonqosna bilanċ serju tal-kriterji li jintużaw fil-mod kif jiġu varati u mmexxija l-akbar impenji ta’ investimenti ta’ fondi publiċi li kellna fl-aħħar deċennji.

GAZZETTI STAMPATI

Nista’ nifhem li l-qagħda finanzjarja tal-gazzetti stampati fil-pajjiż qed issir dejjem aktar imwiegħra. Sa ftit ilu forsi wieħed seta’ jgħid dan bl-eċċezzjoni ta’ gazzetta waħda; mhux aktar. Dil-ħaġa tintwera min-nuqqas ta’ riklamar li sar kważi totali (ħlief għal xi avviżi tal-gvern) fil-gazzetti kollha tant li daħlet sew, b’mod li qabel ma kienx isir, il-publikazzjoni ta’ artikli “sponsorjati”.

Biex tagħqad, f’pajjiżna waqt li jintużaw is-servizzi ta’ kumnikazzjoni online tal-istess gazzetti, huma kollha baqgħu b’xejn. Jidher li t-tentattivi li saru biex l-użu tagħhom isir bi ħlas ma waslu mkien. U allura d-dħul minnhom jiddependi totalment mir-riklamar li jsir fihom. Dan veru li żdied fl-aħħar snin. Jibqa’ d-dubju dwar kemm stabbiliment ġurnalistiku jista’ jżomm fil-wiċċ finanzjarjament b’hekk biss. Barra pajjiżna, rari huma l-każi fejn dan ġara.

Il-qagħda pjuttost  prekarja tal-ġurnaliżmu tqanqal tħassib. Minkejja li r-raba’ “estate”, kif jissejjaħ, tilef mill-kredibilità li kellu, xorta għandu importanza ewleniija f’demokrazija.

Sport