Monday, December 9, 2024

“Irridu naraw flimkien li kull ċittadin, kull ħaddiem u kull persuna timxi ‘l quddiem fis-soċjetà tagħna”

- Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fil-konferenza mtella’ fil-Parlament dwar il-Ġustizzja Soċjali s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), Josef Bugeja beda biex spjega l-ħidma tal-Unjin fil-qasam tal-ġustizzja soċjali.

Hawn Bugeja semma’ ħidma dwar id-disparitajiet, l-ugwaljanza, l-irwoli li għandhom il-ħaddiema, it-talba tagħhom meta saret 80 sena ilu l-GWU u wieħed mill-pilastri kienet il-ġustizzja soċjali, il-promozzjoni ta’ xogħol diċenti u ugwali.

Semma’ ukoll l-opportunitajiet ta’ impjieg, il-protezzjoni soċjali, il-ħaddiema emigranti, kif ukoll il-korsijiet li jagħmlu fejn illum il-GWU għandna mas-7,000 membru barrani li ħafna minnhom ġejjin minn pajjiżi terzi u l-mixja li għamlet biex żiedet l-għarfien kemm fid-drittjiet għall-ħaddiema, kif ukoll fid-drittijiet soċjali. 

“Imma mbagħad, meta tisma’ bl-inġustizzji kollha msemmija hawnhekk u tisma’ min jgħid li ‘dawn huma n-nies li jmexxu’, jiena bħala imsieħeb soċjali dejjem għidt li r-rwol tagħna huwa li nħallu soċjetà aħjar milli jkun hemm. Il-mod ta’ kif qegħdin jitkellmu ħafna nies, mela allura, irridu naħdmu iżjed biex dawn l-inġustizzji neliminawhom u n-nies li jkunu qegħdin ibatu naraw kif nistgħu, bl-isforz ta’ kulħadd, ngħinuhom u naraw li l-ġustizzja soċjali tilħaq kull strata li ssir,” insista Bugeja. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU saħaq li flimkien irridu naraw li bħala pajjiż nirnexxu. Bugeja temm jisħaq li, “irridu naraw flimkien li kull ċittadin, kull ħaddiem u kull persuna timxi ‘l quddiem fis-soċjetà tagħna.

Il-fatt li qegħdin naraw dawn it-tbatijiet kollha, ma nistgħux ngħidu li dan huwa tort ta’ dak jew ta’ dak. Dan huwa t-tort tagħna lkoll u lkoll flimkien irridu li nimxu ‘l quddiem u kulħadd, fiċ-ċirkostanzi li għandna, fil-kapaċitajiet li għandna, fil-mod ta’ riżorsi umani f’kull organizzazzjoni, għandna naħdmu b’mod ħolistiku biex nimxu ‘l quddiem u naraw li ħadd ma jibqa’ lura fis-soċjetà u din mhux tkun xi ħaġa ta’ buzz word li ngħidu ħadd ma jibqa’ lura imma, xi ħaġa li nipprattikawha u ngħixuha kuljum”. 

Ekonomija

Sport