Monday, May 6, 2024

Samir Almiri kkundannat 34 sena ħabs talli qatel lil Victor McKeon f’Santa Luċija

Aqra wkoll

Samir Almiri, Libjan ta’ 41 sena, kien ikkundannat 34 sena ħabs wara li ammetta minflok għadda ġuri li f’Marzu tal-2020 qatel lil Victor McKeon.

Il-vittma li kellu 62 sena, kien instab mejjet fl-appartament tiegħu f’Santa Luċija u l-Pulizija ma kienet sabet l-ebda sgass hekk kif il-ħati kien għamel xi żmien mal-vittma.

Fil-fatt, fil-kors tal-investigazzjoni irriżulta li McKeon kien ta kenn lil Almiri f’daru fejn dan kellu wkoll iċ-ċavetta tal-appartament. Il-katavru kien instab fil-kamra tal-banju mgeżwer f’boroż tal-plastik suwed u inċirata ħadra.

Mill-awtopsja rriżulta li l-vittma kien miet fgat madwar tlieta jew erbat ijiem qabel instab u kien qala’ diversi daqqiet f’rasu. Amiri kien laħaq ħarab lejn il-Marokk fejn kien arrestat wara li nħareġ mandat ta’ arrest internazzjonali.

Huwa kien tressaq il-Qorti u ġie mixli bil-qtil. L-Avukat li deher għalih, Daniel Attard, u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qablu ma’ piena ta’ 34 sena ħabs jekk jammetti.

L-Imħallef Natasha Galea Sciberras ikkundannatu din il-piena.

Sport