“Irridu naraw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol li nkisbu matul iż-żminijiet, anke fil-każ tat-teleworking u gig economy, ma jintilfux u jiġu protetti.”
Hekk qal is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja waqt l-intervent tiegħu matul il-business breakfast organizzat mill-Partit Laburista bit-tema “Inġeddu Malta Flimkien.”
Bugeja rrefera għall-fatt li t-tema hija li nġeddu, jiġifieri nkomplu ninbidlu għax ma nistgħux nieqfu u d-dinja tax-xogħol mhix iżolata. Qal li din id-dinja tax-xogħol dejjem kienet qiegħda tinbidel imma bis-saħħa tal-pandemija dan il-proċess qed ikun wieħed mgħaġġel ħafna. Qal: “Nemmen li din trid tiġi indirizzata. Jekk aħna naħsbu li se nħallu f’idejn is-suq li jsuq, inkunu qegħdin nerġgħu nagħmlu l-iżbalji li saru fil-bidu tal-globalizzazzjoni li għafġet il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.”
Żied jgħid:”Illum nitkellmu li għandna bżonn iktar ħaddiema. Verament għandna bżonn iktar ħaddiema. Pero għalfejn qed ngħidu dan? Għax m’hemmx kundizzjonijiet tax-xogħol? Għax il-paga mhix tajba? U min qed jitlob li għandu bżonn iktar ħaddiema, qed jitlob biex idaħħalhom jaħdmu direttament miegħu jew qed jitlob lill-kuntrattur biex iġibhom minn barra biex imbagħad huwa juża s-servizz tagħhom?”
Waqt l-intervent tiegħu Bugeja rrefera għall-fatt li pajjiżna issa għandu l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja. Semma wkoll li għandna madwar 60,000 ħaddiem barrani (dawk li huma reġistrati).
Qal li ħafna mit-tkabbir li qed isir u l-impjiegi li qed jinħolqu qed imorru għand il-ħaddiema tal-kuntrattur.
Bugeja qal: “Illum il-ġurnata għandna postijiet tax-xogħol fejn hemm iktar ħaddiema tal-kuntrattur jaħdmu fl-istess post tax-xogħol milli hemm ħaddiema direttament impjegati miegħu.”
Bugeja tkellem ukoll dwar id-dinja ġdida tax-xogħol u r-right to disconnect.
“Vera li qed naħdmu mid-djar imma qed jintolbu ċertu ħaddiema li anke s-servizz, mejda u kollox jiġi provdut mill-ħaddiem ukoll. Irridu naraw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol li nkisbu matul iż-żminijiet, anke fil-każ tat-teleworking u gig economy, ma jintilfux.”
Tkellem ukoll fuq il-platform economy fejn illum għandna ħaddiema li qas nistgħu ngħidu li huma ħaddiema u qas jieħdu l-paga minima.
“Dik id-dinja tax-xogħol li qed naraw, li żgur mhux se tieqaf, hemm bżonn li tiġi regolarizzata kif suppost biex dak l-individwu jieħu tassew il-protezzjoni. Dan għaliex it-tkabbir ekonomiku u l-ġid li qed jinħoloq irid jinfirex għand kulħadd. Tajjeb li jkollna ħafna nies jaħdmu imma tajjeb li jkollna ħafna karrieri u impjiegi ta’ kwalità b’paga diċenti. Il-mod kif qed isir issa huwa li qed jiżdiedu l-impjiegi imma l-kundizzjonijiet huma dawk bażiċi u li jaqbżu l-ftehim kollettiv,” qal Bugeja filwaqt li enfasizza fuq il-punt li temmen il-GWU dwar il-fatt li kull impjegat f’Malta jkun jista’ jissieħeb fi tradeunion tal-għażla tiegħu.