Saturday, December 21, 2024

“Irridu neradikaw il-mentalità ta’ min jaħseb li jista’ jabbuża minn mara għax hi mara”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif fil-Parlament kompla jiġi diskuss l-abbozz ta’ liġi dwar il-femiċidju, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli ddikjarat li f’soċjetà fejn nitkellmu dwar l-ugwaljanza, irridu neradikaw il-mentalità ta’ min jaħseb li jista’ jabbuża minn mara għax hi mara, ta’ min jaħseb li mara hi aktar dgħajfa debboli jew inkella “għax ħaqqha”.

Il-Ministru Dalli qalet li għalkemm qed nitkellmu dwar din il-liġi wara l-qtil makabru ta’ Paulina Dembska, ir-realtà hi li dan mhux l-ewwel każ ta’ femiċidju f’pajjiżna Qalet li dawn il-każijiet sfortunatament ilhom jiġru, fejn il-vittma ta’ omiċidju tkun mara għaliex hija mara. 

Qalet ukoll li r-realtà turi li n-numru ta’ nisa vittmi ta’ abbuż jiżboq bil-bosta dak tal-irġiel. ‘Nemmen li bħala soċjetà u bħala pajjiż, għandna repsonsabiltà li kull tip ta’ abbuż ma jista’ qatt jiġi aċċettat,” qalet il-Ministru Dalli. 

Hija kompliet tgħid li l-kummenti fuq il-midja soċjali kull meta jinqala’ każ simili ikunu xokkanti. “Pereżempju, għalfejn kienet hemm daqshekk kmieni filgħodu? Mhux ovja, libset hekk?”.

Il-Ministru Dalli saħqet ukoll li jekk verament irridu nbiddlu l-kultura, irridu nedukaw fl-iskejjel, fid-dar tagħna, meta t-tfal jattendu attivitajiet reliġjużi u kullimkien. Irridu wkoll ngħallmu r-rispett mid-dar. 

Qalet li bħala omm ta’ żewġ subien żgħar, għandha resposabbiltà akbar li dawn iħarsu lejn kull tifel u tifla bħala ugwali, li ma jkunx hemm differenza ta’ min hu superjuri u inferjuri. 

Hija enfasizzat ukoll li: “kelli każijiet li ltqajt magħhom ta’ tfajliet żgħar u nisa kbar li jispiċċaw imsawta mis-sieħeb għax jaħsbu li jħobbhom jew ma jsibu lil ħadd iżjed. Esperjenza partikolari li ma ninsa qatt. Meta kkontestajt għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew matul il-kampanja kelli tarbija ta’ ħames xhur. Flimkien miegħi kien hemm kandidat ieħor li kellu tarbija tat-twelid. Konna ħdejn xulxin waqt attività politika u tiġi persuna u saqsietni inti kif tista’ tkun Membru Parlamentari Ewropew u fl-istess ħin ġenitur? Però lill-kollega tiegħi li kellu tarbija ħafna iżgħar minn tiegħi ma saqsietu xejn. Bħal dak li qallu mhux omm u missier ikunu ġenituri t-tnejn li huma.”

Ekonomija

Sport