Tuesday, November 26, 2024

“Irridu nibdew niddjalogaw mal-foqra”

- L-Arċisqof Charles Scicluna

Aqra wkoll

“Aktar milli nitkellmu dwar il‑foqra, irridu nibdew niddjalogaw magħhom! Jeħtieġ inwessgħu ċ‑ċirku ta’ qalbna u tas‑soċjetà tagħna sabiex ma neskludux lil dawk li s‑soltu nitfgħuhom ’il barra u nħalluhom jistennew loqma ħobż “ħdejn il‑bieb ta’ barra”. Hekk stqarr l-Arċisqof Charles Scicluna fl-omelija tiegħu fil-pontifikal li sar fil-KonKatidral fil-Belt Valletta biex jitfakkar Jum l-Indipendenza ta’ pajjiżna.

L-Arċisqof Scicluna kompla jgħid li rridu nibdew nistiednu lil foqra u nħalluhom jokkupaw l‑ispazju tan‑nofs. Dan l‑ispazju huwa l‑ispazju tal‑inkontru, tal‑laqgħa, fejn il‑foqra jsiru mhux biss ħbieb tagħna imma saħansitra għalliema tagħna.

Fl-omelija rrefera għaż-żjara li Papa Franġisku kien għamel f’Lampedusa għaxar snin ilu. Dakinhar Papa Franġisku kien ikkundanna b’mod ċar u qawwi l‑globalizzazzjoni tal‑indifferenza. “Bħall‑għani tal‑Evanġelju li qrajna llum, tant aħna mehdijin niġru wara s‑suċċess, il‑materjaliżmu u r‑rikonoxximent, li lanqas biss nindunaw bil‑bniedem mixħut fuq l‑għatba tal‑bieb tagħna. Lanqas biss narawh, aħseb u ara kemm nagħtu kasu,” tenna l-Arċisqof.

Tkellem ukoll dwar dak li hu sejjaħlu skandlu li numru dejjem ikbar ta’ nies qed jorqdu barra fit-toroq ta’ pajjiżna u li mijiet ta’ ħutna saru dipendenti fuq is‑soup kitchens biex jitrejqu. Sostna li qatt u qatt m’għandna naċċettaw dawn is‑sitwazzjonijiet bħala normali!

“Ma rridux nagħmlu l‑iżball li lill‑fqar narawhom biss bħala benefiċċjarji tal‑kura u l‑ġenerożità tagħna. Ma rridux inħeġġu lil dawk il‑persuni li għaddejin minn ċerti diffikultajiet biex japplikaw għall‑‘benefiċċji soċjali’ li mhumiex intitolati għalihom u li sussegwentement jinkisbu b’mod qarrieqi. Dan, flimkien mal‑prattika korrotta li ħafna drabi jġib miegħu, huwa att ta’ serq min‑nazzjon tagħna u abbuż tas‑sovranità li tant ħadmu għaliha missirijietna disgħa u ħamsin sena ilu,” stqarr l-Arċisqof.

Kompla jgħid li jekk irridu l‑foqra bis‑serjetà u mmorru lil hinn mill‑kliem biss, waħda mill‑prijoritajiet tagħna għandha tkun li nikkunsidraw kif id‑deċiżjonijiet tagħna jaffettwaw lil dawk li huma l‑aktar vulnerabbli.

Staqsa jekk id‑deċiżjonijiet tagħna se jispiċċaw jgħaffġuhom aktar u jagħmluhom aktar dipendenti? Jew se joħolqu l‑kundizzjonijiet, l‑istrutturi u l‑opportunitajiet neċessarji biex dawn ħutna jkunu jistgħu jerġgħu jqumu fuq saqajhom?

Sport