Tuesday, July 2, 2024

“Irridu nimxu minn tkabbir ekonomiku għal tisħiħ tal-ekonomija”- Il-PM

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“In-nazzjon mexa ‘l quddiem u dan grazzi għal tant gvernijiet li għarfu jaqraw is-sitwazzjoni u jfasslu u jsarrfu pjan solidu għall-futur. Pajjiżna jinsab fuq sisien sodi u kieku ma kienx hekk dan id-diskors kien jiffoka fuq kif sejrin inkabbru l-ekonomija u nieqfu hemm. Illum qed nagħrfu li dan mhux biżżejjed imma l-ekonomija hi għodda importanti sabiex nilħqu l-għan aħħari, dak ta’ soċjetà li permezz tagħha ngħixu bl-aħjar mod possibbli.”

Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela f’indirizz li għamel waqt il-konferenza nazzjonali “L-Istat tan-Nazzjon” fejn għamel aċċenn partikolari dwar l-ekonomija ta’ pajjiżna. Huwa beda biex qal li l-mistoqsija ekonomika fundamentali quddiem kull nazzjon hi dwar kif se niġġeneraw l-akbar ammont ta’ ġid b’mod sostenibbli u fl-istess ħin jifirxu il-ġid li joħloq dak it-tkabbir ekonomiku sostenibbli ma’ kulħadd.

Dr Abela qal li r-risposta naslu għaliha bħala nazzjon. Huwa saħaq li l-poplu wassal messaġġ ċar b’mod partikolari fl-aħħar elezzjonijiet, illi filwaqt li jagħraf u japprezza l-mixja impressjonanti ekonomika ta’ pajjiżna fl-aħħar snin però t-tkabbir ekonomiku t-tkattir tal-ġid waħdu mingħajr kunsiderazzjoni b’saħħitha biżżejjed lejn prijoritajiet oħra mhuwiex biżżejjed.

Il-Prim Ministru qal li llum mhemmx dubju li l-middle class tas-soċjetà tagħna kibret u ssaħħet. Dan jixhdu wkoll l-istħarriġ li għamel l-istatistiku Dr Vincent Marmarà. Dr Abela rrikonoxxa wkoll li l-familji mxew ‘il quddiem madankollu xorta għad hawn min iħoss li jista’ jimxi aktar ‘il quddiem u stqarr li dawk huma n-nies li jridu jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika tagħhom. 

“Illum il-prijoritajiet tal-maġġoranza tal-poplu jinsabu f’aktar ħin ta’ kwalità mal-familji, livell ta’ servizz tal-edukazzjoni li jkun dejjem wieħed li jibqa’ tiela’ ‘l fuq, is-saħħa pubblika u ambjent aħjar,” qal il-Prim Ministru.

Huwa insista wkoll li “rridu nnimxu minn tkabbir tal-ekonomija għal tisħiħ tal-ekonomija. Mhux kemm jiżdiedu l-impjiegi imma kemm intejbu l-karrieri. F’din id-direzzjoni diġà bdejna nieħdu deċiżjonijiet ċari.” 

Tenna li rridu niffukaw kemm nistgħu fuq dawk in-niċeċ ekonomiċi li jħallu l-inqas impatt fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna fosthom is-servizzi finanzjari, igaming, ekonomija diġitali, inteliġenza artifiċjali kif ukoll ir-robotika.

“Imma mhux biss. L-identità kulturali ta’ Malta rikka li tagħti setturi importanti bħal dak tal-biedja, is-sajd, l-agribusiness kif ukoll ir-riċerka u l-innovazzjoni li diġà tawna riżultati tant b’saħħithom. Jeħtieġ li nkomplu nxettluhom u ninvestu bil-qawwa kollha fihom.”

Il-Prim Ministru qal ukoll li l-ekonomija ċirkolari għandha tkun il-bażi fuqiex nibnu l-ekonomija tagħna. “F’era ta’ tibdil fil-klima, flimkien ma’ kompetizzjoni għar-riżorsi li hi ħarxa, kull riżors huwa importanti u għandna nagħrfu nużawh f’użu alternattiv kif ukoll li niġġeneraw qligħ minnu.”

Innota kif il-ħaddiema Maltin huma mill-aktar kapaċi u ta’ ħila, iżda għandna bżonn inżidu l-produttività u l-ħiliet tagħhom biex ikunu dejjem huma li jaħtfu l-aqwa opportunitajiet li qed jiġġenera s-suq tax-xogħol. 

Fl-istess waqt, kompla jgħid il-Prim Ministru, irridu nanalizzaw bis-serjetà u b’mod professjonali xi kwalità ta’ ħaddiema qed jiġu f’pajjiżna kull sena u kif dawn qed jimlew il-ħtiġijiet tagħna bħala nazzjon. Analiżi li trid isir paripassu mal-analiżi profonda tal-ħiliet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

“Is-soċjeta tagħna rridu nirrikonoxxu li qiegħda tinbidel. Irridu nżommu f’moħħna li llum in-nies m’għadhomx interessati biss fil-paga… dik importanti, imma s-sistemi flessibbli tax-xogħol, ir-remote working u inizjattivi oħra ta’ work life balance li daħlu fl-aħħar snin u li se jibqgħu jiġu msaħħa.

“Eżempju ta’ kif nistgħu nirriformaw settur huwa l-bidliet li għamilna f’dak tal-kostruzzjoni… mudell ta’ liċenzjar li introduċejna f’dan is-settur. Dan il-mudell jista’ jiġi imħaddem u utilizzat f’industriji oħra biex ikollna kontroll tal-ħaddiema barranin li jidħlu u l-aħjar utilizzar tal-ħaddiema Maltin.”

“Ejja naħdmu lejn din il-Malta ta’ għada. Malta b’ekonomija li mhux biss tikber iżda tissaħħaħ għall-ġid tal-familji kollha tagħna,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport