Saturday, April 27, 2024

Irridu nitilgħu tarġa aktar mis-sitt post

Andrea Agostinelli - coach ta’ Gudja United

Aqra wkoll

Gudja United FC organizzaw konferenza stampa għall-ġurnalisti f’ristorant ewlieni f’Marsaxlokk fejn ġie ppreżentat il-coach il-ġdid Andrea Agostinelli. Dan il-coach ta 65 sena kien l-alternattiva għal Paolo Favaretto li minħabba raġunijiet familjari ma setax jaċċetta l-kariga ta’ kowċ mal-istess Gudjani. 

Agostinelli beda l-karriera ta’ coaching ma’ Cisco Lodigiano fi rwol ta’ assistent kowċ u aktar tard mexxa timijiet oħra fosthom Latina, Astrea, Mantova, Pistoiese, Ternana, Piacenza, Crotone, Triestina, Salernitana, Portosummaga u Varese. Hu mar l-Albanija fejn mexxa lil FK Partizani Tirana u KF Skenderbeu.

Ma’ Partizani Tirana hu temm fit-tieni post tal-Kategoria Superiore filwaqt li aktar tard kellu esperjenzi ma’ Daring Club Motema Pemba mill-Kongo. F’dawn l-aħħar xhur kien qiegħed ukoll bħala direttur tekniku ta’ Livorno.

Bħala plejer beda l-karriera ma’ Lazio u libes il-flokkijiet ta’ clubs oħra fosthom

Napoli, Pistoiese, Modena, Atalanta, Avellino, Lecce, Genoa, Mantova u Lodigiani.

Sadanittant f’din il-konferenza stampa tkellem il-president ta’ Gudja Duncan Borg Myatt fejn qal li wara s-sitt post li kisbu t-team fl-istaġun li għadda, qed iħarsu lejn dan l-istaġun b’ottimiżmu kbir għalkemm jinsabu saqajhom mal-art minħabba li bħas-soltu l-kampjonat Premier hu dejjem diffiċli.

“Nafu li jista’ jkun hemm xi tip ta’ pressjoni u forsi l-partitarji se jkunu qed jistennew iktar mit-tim tagħhom iżda importanti li kull team jibda minn żero u jibda jibni tul il-kors tal-kampjonat. Aħna rridu nkunu umli biżżejjed li nagħmlu dan aktar u aktar minħabba li s-suċċess trid taħdem għalih.”

Mistoqsi minn talk.mt jekk il-mira tagħhom issa tmurx fuq il-kompetizzjonijiet Ewropej, Borg Myatt qal li kollox possibbli iżda wissa’ li ma jfissirx li jekk fl-istaġun li għadda temmew fis-sitt post, huma bilfors iridu jitilgħu pożizzjoni għax kull kampjonat għandu storja għalih.

Hu faħħar il-kwalitajiet tekniċi tal-coach Agostinelli speċjalment bl-esperjenza li għandu li minnha jista’ jitgħallem kulħadd.

Duncan Borg Myatt qal li wara l-problema li nqalgħet lil Paolo Favaretto, kien importanti li l-club jingaġġa coach ieħor bl-istess Favaretto li għen sabiex jiġi bniedem ta’ kwalitá kbira.

Andrea Agostinelli kellu ċ-ċans jgħid tiegħu fejn l-ewwel u qabel kollox se jkun qed jimxi b’umilta’ kbira minkejja l-esperjenza li għandu.

“Jien ġejt Malta u se nkun qed nibda minn żero. Minkejja li l-esperjenza qiegħda hemm, xorta waħda nemmen li din hi sfida kompletament ġdida għalija u għalhekk żgur ma rridx nagħmilha tal-prużuntuż u ngħid li naf kollox.”

Agostinelli qal li kull team li mexxa dejjem insista fuq il-mentalitá rebbieħa u se jkun qed jagħmel hekk anke ma’ Gudja United FC.

“Minkejja li l-club spiċċa fis-sitt post tal-klassifika, aħna se nimmiraw sabiex nitilgħu tarġa oħra għalkemm irridu nkunu umli biżżejjed li ma nagħmlu xejn fatta.”

Agostinelli faħħar lill-president Borg Myatt fejn qal li għandu viżjoni u se jkun qed jgħin f’dan il-proġett ferm interessanti u ambizzjuż, speċjalment li jkompli l-kontinwitá tal-predeċessuri tiegħu li rnexxielhom iżommu lit-team fl-ogħla kampjonat Malti. 

Sport