Sunday, November 24, 2024

Irridu nkunu onesti, il-players qed imorru s-Sawdi għall-flus – Axel Witsel

Aqra wkoll

Il-veteran ta’ Atletico Madrid, Axel Witsel sejjaħ lill-players li qed imorru l-Arabja Sawdija biex ikunu onesti dwar il-mottivi tagħhom biex jagħmlu dan.

Il-veteran Belġjan ta’ 34 sena, li ngħata rwol ġdid ta’ difensur ċentrali minn post tas-soltu f’nofs il-ground minn Diego Si­meone, ikkonferma li għadu qed igawdi ħafna l-ħajja ma’ Atletico, minkejja dik il-bidla. Ma kinitx pożizzjoni li kien familjari magħha.

“Tliet logħbiet jew erbgħa l-aktar f’Dortmund. Iżda mhux f’linja ta’ tlieta, kien bi tnejn, li hija ftit aktar diffiċli. Kien tassew is-sena li għaddiet meta bdejt nilgħab kważi dejjem f’din il-pożizzjoni, xi ħaġa ġdida għalija.”

Mistoqsi dwar id-differenza bejn il-logħob fid-difiża jew f’nofs il-ground, Witsel ammetta li kien hemm proċess ta’ addattament dwar kif jara l-logħba.

“F’nofs il-ground kollox huwa aktar naturali. Naf fejn ikolli nkopri lil sieħbi, fejn niġri. Sejjer tajjeb. Fil-bidu, fid-difiża, kelli naħseb ħafna. Mhux bil-ballun għax għandek kollox quddiemek, iżda biex tiddefendi. Kelli nbiddel ftit il-veloċità biex nantiċipa u niġri fl-ispazju,” huwa qal.

Witsel ġie mġiegħel jimla rwol bħala di­fensur ċentrali de facto wara d-deċiżjoni ta’ Simeone li jibqa’ b’ħamsa fid-difiża mingħajr il-ballun. El Cholo jidher li jippreferi profil b’aktar ħeġġa fil-bażi ta’ nofs il-ground, kif deher ma’ Koke Resurreccion u Pablo Barrios, f’dan l-istaġun.

Witsel kien mistoqsi wkoll dwar iċ-ċaqliq tiegħu għal TJ Quanjian fl-età ta’ 25 sena biss, u ma kienx qed jaħbi mir-raġunijiet tiegħu biex għamel dan.

“Kieku mmur lura nagħmel l-istess. Trid tgħid il-verità: in-nies li dakinhar marru ċ-Ċina, bħal dawk li issa jmorru l-Arabja Sawdija, qed jagħmlu hekk għax jirċievu ħafna flus. U nifhimha.”

Dawk bħal Jordan Henderson, riċentement abbużat mill-partitarji tal-Ingilterra minħabba t-trasferiment tiegħu fl-Arabja Sawdija, u t-talent żagħżugħ Spanjol, Gabri Veiga, baqgħu sodi li ma għamlux il-moviment għall-flus.

Sport