Tuesday, December 31, 2024

“Irridu nwelldu pajjiż li fih inti tgħix aħjar”- il-Kap tal-PN Bernard Grech fil-messaġġ tiegħu għas-sena l-ġdida

Aqra wkoll

F’messaġġ għall-bidu tas-Sena l-Ġdida, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li r-rieda tal-PN hija li s-sena li se tibda tkun aħjar minn dik ta’ qabilha għax hekk jixraq lil Malta u lill-poplu tagħha. 

Dr Grech saħaq li kull bidu ta’ sena ġdida jġib miegħu riflessjonijiet dwar dak li nkunu għaddejna minnu s-sena ta’ qabel, imma fuq kollox jagħtina l-opportunità nħarsu ’l quddiem.

Huwa qal li rridu nwelldu pajjiż “li fih inti tgħix ħajja aħjar. Fejn int ikollok kwalità ta’ ħajja aħjar f’kull sens. Pajjiż fejn kull persuna tkun tista’ timraħ biex tiżviluppa l-potenzjal tagħha. Imma wkoll pajjiż li, fl-istess ħin, jgħin lil min għandu bżonn jiġi mwieżen”. 

Dr Grech qal li biex aħna lkoll ngħixu aħjar bħala bnedmin sħaħ, irridu nassiguraw li jkollna servizzi mill-aqwa fl-edukazzjoni, it-taħriġ, is-saħħa mentali u fiżika, b’servizzi soċjali personalizzati, flimkien ma’ ekonomija li tikber b’mod nadif, ambjent sostenibbli, infrastruttura moderna li tindirizza fost l-oħrajn il-qtugħ tad-dawl, toroq aħjar u inqas tniġġis mid-drenaġġ, kif ukoll konnettività aħjar bejn Malta u Għawdex.

Waqt li semma l-anniversarji importanti li ċċelebrajna matul l-2024 bħas-60 sena tal-Indipendenza, il-50 sena tar-Repubblika u l-20 sena mis-sħubija ta’ Malta fl-UE, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li l-lezzjoni li nisiltu minn dawn il-ġrajjiet storiċi li sawru lil pajjiżna hi li dawn kollha marru lil hinn mit-terminu ta’ leġiżlatura waħda, u għaldaqstant pajjiżna jeħtieġ inizjattivi fit-tul li ma jkunux jiddependu miċ-ċiklu elettorali, għax il-well-being tan-nies m’għandux skadenza ta’ ħames snin.

Tkellem dwar kif il-midja soċjali biddlitilna ħajjitna u issa dħalna f’rivoluzzjoni oħra – dik tal-Intelliġenza Artifiċjali – fejn id-daqs żgħir ta’ pajjiżna jagħtina l-opportunità li flok nistennew li pajjiżi oħra jagħmlu bidliet u aħna nikkupjawhom, naġixxu minn issa, flok nirreaġixxu għal dak li jkun qed jagħmel ħaddieħor.

Hekk kif l-2025 se tkompli tressaqna lejn l-elezzjoni ġenerali, Bernard Grech temm b’appell lil kulħadd biex jersaq ’il quddiem u jikkontribwixxi bl-ideat tiegħu għall-programm elettorali li qed ifassal il-Partit Nazzjonalista. “Għax kull idea jew esperjenza taf tiswa mitqlu deheb u taf tagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħafna nies”.

F’isem martu AnneMarie, f’ismu, f’isem uliedhom Neil u Maria, u f’isem il-PN, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wassal l-awguri tiegħu lill-poplu Malti u Għawdxi għal sena ġdida mill-aqwa.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport