Friday, November 29, 2024

Irvell kontra l-Lhud f’ajruport fir-Russja

Aqra wkoll

Iżrael ħeġġeġ lir-Russja biex tipproteġi liċ-ċittadini kollha tagħha u lill-Lhud kollha wara li folla kbira irrabjata daħlet fl-ajruport ta’ Makhachkala fid-Dagestan u bdiet tgħajjat slogans antisemitiċi waqt li xejru bnadar Palestinjani. Dan l-irvell seħħ malwasla ta’ titjira minn Tel Aviv.

Filmati li daru fuq il-midja soċjali wrew xi wħud mill-folla li saħansitra ħarġu fuq ir-runway u ċċirkundaw ajruplan. L-aġenzija tal-avjazzjoni tar-Russja Rosaviatsia qalet li aktar tard il-forzi tas-sigurtà ġabu s-sitwazzjoni taħt kontroll.

L-ajruport li kien magħluq il-Ħadd bil-lejl reġa fetaħ l-għada t-Tnejn qalet l-aġenzija Rosaviatsia li żiedet tgħid li t-titjiriet mill-Iżrael lejn il-Kawkasu tat-Tramuntana kienu temporanjament ridiretti lejn bliet oħra.

Skont il-Ministeru tsl-Intern lokali sittin parteċipant tal-folla ġew arrestati allegatament li iċċitament il-l-irvell. Ħafna fil-folla għajjtu slogans antisemitiċi, filwaqt li oħrajn kantaw “Allahu Akbar” – Alla hu l-akbar.

Passiġġier Iżraeljan irrakkonta li waqt l-irvellijiet  xi nies waqqfu karozza tal-linja li ġġorr il-passiġġieri u staqsew lil kull persuna jekk kinux Musulmani jew Lhud.

Messaġġi fuq il-Kanal Telegram lokali ħeġġew lin-nies biex jinġabru fl-ajruport fil-ħin tal-wasla tat-titjira minn Tel Aviv u ħeġġew ukoll lill-parteċipanti biex ifittxu għal kull persuna Lhudija hemmhekk.

Il-midja lokali rrapportat li xi dimostranti kienu qed iwaqqfu l-karozzi barra l-ajruport ta’ Makhachkala jitolbu biex jaraw id-dokumenti.

Għoxrin persuna weġġgħu, inklużi xi uffiċjali tal-pulizija, qal il-ministeru tas-saħħa tar-repubblika. Xi wħud għandhom ġrieħi gravi u tnejn jinsabu f’qagħda kritika.

Dagestan hija repubblika Russa prinċipalment Musulmana fit-Tramuntana tal-Kawkasu, fejn jgħixu madwar 3.1 miljun ruħ fit-tarf tal-punent tal-Baħar Kaspju. Il-gvern tal-pajjiż qal li nfetħet kawża kriminali għad-diżordni ċivili li nqagħlet.

Ir-rabbi tal-belt Dagestani, Ovadia Isakov, qalet lill-midja lokali li l-futur tat-300-400 familja Lhudija stmata fid-Dagestan kien fid-dubju. Il-Lhud kellhom preżenza fir-reġjun sa minn żmien qabel l-Islam.

L-uffiċċju tal-Prim Ministru Iżraeljan qal li r-Russja kellha taġixxi b’mod deċiżiv kontra l-inċitament għall-vjolenza kontra l-Lhud u l-Iżraeljani.

Il-kelliem tal-White House Amerikan, Adrienne Watson, fi tweet qalet li l-Istati Uniti tikkundanna bil-qawwa l-protesti antisemitiċi fid-Dagestan u żiiedet inekwivokament li l-Istati Uniti tieqaf mal-komunità Lhudija kollha kemm hi hekk kif l-antisemitiżmu qed ikompli jikber u jiżdied madwar id-dinja. 

Il-gvern tad-Dagestan esprima appoġġ għal Gaża, iżda appella liċ-ċittadini biex jibqgħu kalmi u ma jieħdux sehem fi protesti bħal dawn. Kien hemm protesti mifruxa fuq livell internazzjonali kontra l-bumbardament ta’ Gaża minn Iżrael.

Il-kelliem tal-Kremlin Dmitry Peskov b’riferenza indiretta għall-Isteati Uniti tefa’ l-ħtija tal-irvellijiet fuq “interferenza minn barra” ta’ “persuni li jixtiequ l-ħażin”. Huwa ma pprovda l-ebda evidenza għat-talba tiegħu.

Għall-gvern lokali, dak li ġara fl-ajruport ta’ Makhachkala huwa għajb u għandha ssir valutazzjoni xierqa mill-infurzar tal-liġi. 

Il-ministeru għall-affarijiet barranin ta’ Iżrael qal li l-ambaxxatur Iżraeljan f’Moska kien qed jaħdem mal-awtoritajiet Russi, u żied li l-Iżrael jemmen li qed isiru attentati serji biex jagħmlu ħsara liċ-ċittadini Iżraeljani u lill-Lhud kullimkien.

“Iżrael jistenna li l-awtoritajiet Russi tal-infurzar tal-liġi jissalvagwardjaw liċ-ċittadini u l-Lhud Iżraeljani kollha, ikunu min ikunu, u li jieħdu azzjoni b’saħħitha kontra l-irvellijiet u kontra l-inċitament bla rażan li qed jiġi dirett lejn il-Lhud u l-Iżraeljani.

Nhar is-Sibt, folla fil-belt ta’ Khasavyurt fid-Dagestan inġabret barra lukanda fejn emmnu li kienu qed joqogħdu xi Iżraeljani. Id-dimostranti tefgħu ġebel lejn it-twieqi u tpoġġa sinjal fuq il-bieb li jaqra “Dħul strettament projbit għaċ-ċittadini ta’ Iżrael”

Aktar tard il-pulizija allegatament ħallew xi wħud jidħlu fil-lukanda sabiex ikunu jistgħu jaraw waħedhom li ma kien hemm l-ebda Iżraeljan.

Dagestan mhuwiex l-uniku reġjun fit-Tramuntana tal-Kawkasu li kien qed jiffaċċja l-inkwiet. Fi tmiem il-ġimgħa nħaraq ċentru Lhudi fir-repubblika ta’ Kabardino-Balkaria.

Sport