Saturday, May 4, 2024

“It-turiżmu jibqa’ l-mutur tal-ekonomija” 

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) ddeskriviet il-Budget 2024 bħala impenn kontinwu mill-Gvern li jkompli jappoġġja t-tkabbir u l-espansjoni tal-ekonomija Maltija u dan minkejja l-isfidi ekonomiċi globali u anke dawk ġeo-politiċi. B’mod speċifiku, l-MHRA rrikonoxxiet il-bosta miżuri soċjali elenkati f’dan il-budget. 

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu dwar il-Budget, il-President tal-MHRA Tony Zahra spjega kif matul din is-sena, is-settur turistiku serva ta’ xprun importanti għall-ekonomija, bil-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana jafferma li huwa mistenni li dan is-settur jibqa’ jilgħab rwol importanti anke matul is-sena li ġejja. Huwa enfasizza l-importanza tal-konnettività għal din l-industrija u għalhekk, it-tnedija tal-linja tal-ajru ġdida fl-aħħar ta’ Marzu li ġej jibqa’ element kruċjali għas-suċċess ta’ din l-industrija fl-2024. 

Min-naħa l-oħra, l-MHRA saħqet li peress li s-settur tal-ospitalità jiddependi ħafna fuq ir-riżorsi umani, iż-żieda sostanzjali fil-COLA tista’ potenzjalment tħalli impatt fuq il-profitabbiltà tal-industrija. Biex tkun tista’ tilqa’ għal dan, l-industrija trid taħdem għal kisbiet fil-produttività jew iżżid l-infiq per capita fis-settur tal-ospitalità.

L-MHRA iżda apprezzat l-intervent tal-gvern fis-settur tal-enerġija, billi tagħraf is-sinjifikat tiegħu fl-immaniġġjar tal-ispejjeż tal-industrija u żżomm ir-rati tal-inflazzjoni taħt kontroll permezz ta’ sussidju.

L-MHRA tenniet li n-nuqqas ta’ ħaddiema jibqa’ wieħed mill-akbar sfidi għas-sostenibbiltà tas-settur u li dan jeħtieġ ippjanar fit-tul. Irrimarkat ukoll li ma ssemma xejn b’mod speċifiku fil-Budget dwar inċentivi biex tgħin fit-tranżizzjoni ta’ din l-industrija sabiex tilħaq il-miri ta’ sostenibilità u tibdil fil-klima. 

Sport