Friday, April 26, 2024

IRVELLIJIET

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

L-irvellijiet ta’ dan l-aħħar fi Franza kienu fost l-aktar serji li ġraw matul is-snin f’pajjiż fejn l-irvellijiet u l-protesti qawwija fit-toroq huma magħrufa bħala parti mix-xenarju “normali” ta’ kwalunke kriżi politika u soċjali. Did-darba kellna rifless ta’ li ġara kemm-il darba fl-Istati Uniti wara l-mewt vjolenti kkawżata mill-pulizija ta’ ċittadini suwed. L-użu tal-mezzi soċjali nfjammaw l-irvellijiet aktar minn qatt qabel.

Ir-raġunijiet għall-vjolenza gravi li qamet huma profondi. Biex tagħqad, ħafna minn dawk li ħadu sehem fl-irvellijiet għadhom lanqas laħqu ż-żogħżija. Huma mit-tielet jekk mhux ir-raba’ ġenerazzjoni ta’ immigranti.

Dan jerġa’ jikkonferma kemm hu vitali li meta soċjetà tilqa’ jew iddaħħal komunitajiet minn barra li jrenduha multikulturali, jeħtieġ li tmexxi f’perspettiva tat-tul linji ta’ politika li jsostnu l-iżvilupp ġust tal-popolazzjoni dieħla minn barra. Jekk dawn il-linji ma jitħaddmux tajjeb, jew ifallu, se jinqala’ l-gwaj.

U kif qed naraw, b’perspettiva tat-tul, irridu nifhmu waħda li tkopri aktar minn ġenerazzjoni waħda jew tnejn.

VALURI EWROPEJ

Tant nisimgħu dwar “valuri Ewropej” li saru qishom ġakulatorja liturġika f’xi ċerimonja reliġjuża. Min jinvokaha (ovvjament) jassumi li kulħadd jagħrafhom u jaqbel magħhom. Anzi li aħna l-Maltin u l-Għawdxin lesti ngħożżuhom u niddefenduhom, anke kif għamilna matul l-Assedju l-Kbir. Bħal per eżempju dwar l-hekk imsejħa “saltna tad-dritt”; jew il-libertà tal-kelma u tat-twemmin.

Fl-aħħar żminijiet skoprejna li mhux il-valuri kollha Ewropej jgħoddu għalina.

Inqisu uħud minnhom bħala barbari. Dwar id-dritt tal-mara li tiddeċiedi hi x’tagħmel b’ġisimha, maġġoranza (mid-dehra) tqis li ma taqbilx. Dan ġibed lejna t-twiddiba ta’ istituzzjonijiet internazzjonali li jħarsu l-valuri Ewropej.

Ħaġa ċara li rridu ngawdu l-valuri Ewropej à la carte.

VALURI SEKULARI

Kemm nafu nkunu flessibbli mal- u bil-valuri hi konklużjoni li wasalt għaliha ilu ħafna meta kont student fl-Università ta’ Malta u kont involut f’diskussjoni ta’ bejn ħbieb dwar ir-reliġjon u l-kostituzzjoni ta’ Malta, xi snin wara l-Indipendenza. L-istat kellu jitkellem bil-vuċi tal-Knisja Kattolika u jagħmel dak li tgħidlu hi – jew kellha tinżamm separazzjoni sħiħa bejn Stat u Knisja?

Magħna kellna lettur, qassis mill-“ġodda” li kien rabba reputazzjoni (li wara kompliet tikber sew) bħala ħassieb impenjat u modern. Skont hu, minkejja x’kienet tgħid il-kostituzzjoni dak iż-żmien, l-istat Malti kien wieħed sekulari. Issa la kien jeżisti żwieġ ċivili, wisq anqas divorzju…

U l-kurċifissi fl-uffiċċji tal-gvern u fil-klassijiet tal-iskejjel? saqsejtu. Assigurani li f’hekk ma kien hemm l-ebda kuntradizzjoni ma’ valuri sekulari fit-tmexxija tal-istat.

Dakinhar tgħallimt kif aktar minn flessibbli, fostna t-tħaddin tal-valuri jaf ikun elastiku.

Sport