Saturday, October 24, 2026
Home Sport Is-47 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race tintemm b’ċelebrazzjoni mill-isbaħ

Is-47 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race tintemm b’ċelebrazzjoni mill-isbaħ

0
66

Ir-Rolex Middle Sea Race hija avventura straordinarja. Kemm għall-baħħara professjonali kif ukoll għal dawk dilettanti, huwa impossibbli li wieħed ma jibqax impressjonat bil-pajsaġġi mill-bidu sat-tmiem tat-tellieqa, bir-rabtiet numerużi mal-istorja antika u l-mitoloġija, u kif ukoll bil-kundizzjonijiet tat-temp li jiltaqgħu magħhom il-parteċipanti.

Bħalma jixraq f’avveniment ta’ din l-intensità u l-karattru, iċ-ċerimonja finali tal-għoti tal-premjijiet issir fis-Sacra Infermeria, mibnija mill-Kavallieri ta’ San Ġwann bħala sptar fis-seklu 16 u li tagħti fuq il-Port il-Kbir ta’ Malta. Dan l-ambjent uniku li fih tintemm it-tellieqa m’għandux paragun fid-dinja tat-tlielaq tal-ibburdjar offshore. L-atmosfera tirrifletti sens profond ta’ sodisfazzjon u kisba, filwaqt li tagħti ġieħ lill-jottijiet kollha li ħadu sehem. Għal darb’oħra, din iċ-ċelebrazzjoni kienet mimlija emozzjonijiet u mumenti ta’ riflessjoni.

L-edizzjoni tal-2026 tal-aktar tellieqa offshore rinomata fil-Mediterran, fuq distanza ta’ madwar 600 mil nawtiku, kienet, kif wieħed seta’ jistenna, iddominata mill-kundizzjonijiet tat-temp. Kienet tellieqa maqsuma f’żewġ partijiet distinti. L-ewwel parti kienet ikkaratterizzata minn irjieħ varjabbli u baħar kalm. Għall-kuntrarju, it-tieni parti kienet ferm aktar impenjattiva, fejn il-jottijiet kienu esposti filwaqt li l-preparazzjoni, ir-reżistenza, il-ħila u d-determinazzjoni sfaw ippremjati. Il-premjijiet ewlenin intrebħu minn jottijiet li wrew mhux biss prestazzjoni eċċellenti, iżda wkoll preċiżjoni u teknika impekkabbli.

Is-suċċessi ewlenin tar-Rolex Middle Sea Race 2026:

  • Django 7X, Wallyrocket 71, ta’ Giovanni Lombardi Stronati – Rebbieħ Overall skont is-sistema IRC.
  • Black Jack 100, Reichel/Pugh 100, ta’Remon Vos – Rebbieħ tal-Monohull Line Honours.
  • Colombre, JPK 10.80, ta’ Massimo Juris u Pietro Luciani – Rebbieħ tal-kategorija Double-Handed IRC.
  • Black Jack 100, Reichel/Pugh 100, ta’ Remon Vos – Rebbieħ tal-Boccale del Mediterraneo Trophy skont is-sistema ORC.
  • Calamity, ORC 50, taħt it-tmexxija tal-kaptan Timo Tavio – Rebbieħ tal-Multihull Line Honours u Overall skont is-sistema MOCRA.

Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet saret fil-preżenza tal-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta; il-Prim Ministru Dr Robert Abela u martu Dr Lydia Abela; Dr Alex Borg, Kap tal-Oppożizzjoni;Dr Byron Camilleri, Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport; kif ukoll għadd ta’ ambaxxaturi u mistednin distinti  oħrajn.

Fid-diskors tagħha, il-President Myriam Spiteri Debono enfasizzat ir-reputazzjoni unika ta’ Malta bħala nazzjon marittimu, b’għeruq profondi fl-istorja tiegħu bħala salib it-toroq taċ-ċiviltajiet u pont bejn il-kontinenti.

L-Eċċellenza Tagħha faħħret lill-parteċipanti għall-valuri tagħhom ta’ reżiljenza, intwizzjoni u rispett, u kif ukoll lill-organizzaturi għat-tħejjijiet tagħhom u għall-ħidma tagħhom biex ikomplu jgħollu l-profil tar-Rolex Middle Sea Race u jagħmluha avveniment li jservi ta’ sors ta’ kburija għal Malta.

Dan l-avveniment juri s-sbuħija naturali ta’ pajjiżna, il-wirt marittimu tagħna, l-impenn tagħna lejn l-eċċellenza sportiva u l-kapaċità tagħna li nilqgħu lid-dinja fi xtutna.

Meta laqa’ lil dawk preżenti, Mark Napier, Commodore tar-Royal Malta Yacht Club (RMYC), irrikonoxxa lill-mistednin distinti, li l-preżenza u l-interess tagħhom “jirriflettu l-importanza tal-ibburdjar għal pajjiżna u l-post speċjali li l-wirt marittimu tagħna għandu fl-identità ta’ Malta.”

Filwaqt li kompla bid-diskors tiegħu, il-Commodore Napier ġabar fi kliemu l-ispirtu tat-tellieqa:

“Ir-Rolex Middle Sea Race hija ħafna aktar minn kompetizzjoni sportiva. Hija ġġib baħħara internazzjonali lejn Malta, issaħħaħ il-ħbiberiji lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u turi l-gżejjer tagħna lid-dinja. Hija sors ta’ kburija għall-Club tagħna u għal pajjiżna. Illum, mhux biss qed niċċelebraw il-kisbiet tal-parteċipanti tagħna, iżda wkoll l-ispirtu ta’ avventura, determinazzjoni, ħila fil-baħħara u sportività li jagħmlu din it-tellieqa daqstant speċjali.”

Wieħed mill-aktar mumenti emozzjonanti taċ-ċerimonja kien il-ġieħ mogħti lil John Ripard Snr, li miet aktar kmieni din is-sena. Figura prominenti fl-isport tal-ibburdjar, persuna li ddedikat ruħha b’mod konsistenti għas-servizz lejn l-RMYC u wieħed mill-fundaturi tar-Rolex Middle Sea Race. Isem Ripard jibqa’ mnaqqax għal dejjem fl-istorja tat-tellieqa. Il-memorja tiegħu titfakkar u tkun onorata kif jixraq minn dawk kollha li kull sena jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni prestiġjuża.

Wara li esprima r-ringrazzjament sinċier tar-RMYC lill-isponsor ewlieni Rolex, li s-sħubija tiegħu mat-tellieqa ilha għaddejja għal kważi 25 sena, il-Commodore Napier irringrazzja wkoll lid-diversi marinas li jipprovdu l-appoġġ tagħhom, kif ukoll lil għadd ta’ entitajiet pubbliċi, fosthom Visit Malta, Sport Malta, Transport Malta, il-Forzi Armati ta’ Malta, Yachting Malta u l-Gwardja tal-Kosta Taljana. Huwa rrikonoxxa wkoll il-kollaborazzjoni mar-Royal Ocean Racing Club u l-kontribut tal-ġurija internazzjonali.

Napier ħa wkoll l-opportunità biex jirringrazzja lit-tim dedikat tar-RMYC responsabbli mill-organizzazzjoni tat-tellieqa, kif ukoll lill-istaff tal-catering tal-Club u lill-Iskola tal-Ibburdjar, li jaħdmu flimkien b’mod koordinat biex jiżguraw li l-baħħara kollha jingħataw merħba mill-qalb u jħossuhom parti mill-familja tal-Club.

Madankollu, bħalma jiġri kull sena, l-akbar apprezzament kien riservat għall-għadd kbir ta’ voluntiera li jiddedikaw il-ħin tagħhom kemm qabel it-tellieqa u kif ukoll matulha. ‘The Bridge’, li jinsab fil-linja tat-tmiem, jibqa’ jopera 24 siegħa kuljum sakemm l-aħħar jott jirritorna Malta, u jipprovdi kuntatt uman imprezzabbli lill-kompetituri li jkunu għadhom fuq il-baħar. Bil-jottijiet kollha lura u l-ekwipaġġi kollha fis-sigurtà, il-ħidma twettqet b’suċċess.

It-48 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race se tibda nhar is-Sibt, 16 ta’ Ottubru 2027.

RIŻULTATI U PREMJIJIET

Rebbieħ Overall IRC – Rolex Middle Sea Race Trophy

Django 7X – Giovanni Lombardi Stronati, GBR

Monohull Line Honours – Rebbieħ tal-RLR Trophy u tal-Malta Tourism Authority Trophy (l-Ewwel Jott Barrani)

Black Jack 100 — Remon Vos / Kaptan Tristan Le Brun, MON

Rebbieħa tal-Klassijiet IRC

  • IRC 1 – Django 7X, Giovanni Lombardi Stronati, GBR
  • IRC 2 – Daguet 5, Frédéric Puzin, FRA
  • IRC 3 – Artie III, Lee Satariano, MLT
  • IRC 4 – Elusive 2, Aaron, Maya u Christoph Podesta, MLT
  • IRC 5 – Courrier Pogo, Géry Trentesaux, FRA
  • IRC 6 – Colombre, Massimo Juris, ITA

Rebbieħ Overall tal-Kategorija ORC u tal-Boccale del Mediterraneo Trophy

Black Jack 100 – Remon Vos

Rebbieħa tal-Klassijiet ORC

  • ORC 2 – Black Jack 100, Remon Vos, MON
  • ORC 3 – Daring Sister, Jakob Balada, CZE
  • ORC 4 – Elusive 2, Aaron, Christoph u Maya Podesta, MLT
  • ORC 5 – Solenn for Pure Ocean, Ludovic Gerard, FRA
  • ORC 6 – Colombre, Massimo Juris, ITA

L-Ewwel Jott b’Kaptan Malti u Maġġoranza tal-Ekwipaġġ Malti – Transport Malta Trophy

Artie III – Lee Satariano u Christian Ripard, MLT

L-Ewwel Jott Malti skont is-Sistema IRC – Arthur Podesta Trophy

Elusive 2 – Aaron, Maya u Christoph Podesta, MLT

L-Ewwel Jott Malti skont is-Sistema ORC – Teddie Borg Trophy

Elusive 2 – Aaron, Maya u Christoph Podesta, MLT

Yachting Malta Nations Cup – Il-Pajjiż bl-Aqwa Tliet Ħinijiet Ikkoreġuti skont l-IRC

Il-Gran Brittanja (GBR) – Django, Artemis Bleu u Pace

L-Ewwel Jott Taljan skont is-Sistema ORC – Federazione Italiana Vela Trophy

Colombre – Massimo Juris, ITA

Premju MOCRA għall-Aqwa Multihull

Calamity – Bright One Ventures Ltd

L-aħħar jott, Blue Horizon, temm it-tellieqa ftit wara l-4:00 ta’ filgħodu (CEST) tal-Ġimgħa, 23 ta’ Ottubru. Minn total ta’ 107 jottijiet li ħadu sehem, 92 temmew ir-rotta, filwaqt li 15 irtiraw.

It-48 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race se tibda nhar is-Sibt, 16 ta’ Ottubru 2027.

Id-49 edizzjoni, li se tfakkar ukoll is-60 anniversarju tal-avveniment, se tibda nhar is-Sibt, 21 ta’ Ottubru 2028.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here