Sunday, December 22, 2024

IS-SAĦĦA MENTALI … PERSUNA LI MA TURIX TISTA’ TKUN L-IKTAR FIX-XIFER

Aqra wkoll

Waħda mill-ikbar sfidi li tibqa’ tkidd lill-individwi u lill-awtoritajiet hija ċertament is-saħħa mentali. B’dan infissru li minkejja li sar u hemm il-ħsieb li dan il-gvern jibqa’ jinvesti biex ikompli jgħin aktar persuni fi stat vulnerabbli f’ħajjithom minħabba diversi sitwazzjonijiet li jkunu għaddejjin minnhom, dejjem se jibqa’ jkollok dawk l-individwi li jintilfu qalb il-kobba li tkun ħakmithom u waqqfithom milli jiftħu qalbhom ma’ xi ħadd biex jaslu jfittxu l-għajnuna.

L-ewwel u qabel kollox irridu nibdew mill-fatt li nirrikonoxxu li bħala pajjiż qegħdin fi stat fejn il-persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali qabdu jgħollu rashom fl-aħħar snin. Nemmnu però li jkun inutli jekk nieqfu billi ngħidu li konxji li hemm problema għax għal kull problema għandu jkun hemm soluzzjoni li jekk stess ma ssolvix għal kollox, tkun qiegħda twitti t-triq bil-għan li xi darba dak li jkun jilħaq il-quċċata.

Waħda minn dawn is-soluzzjonijiet li ħareġ biha l-gvern Malti ftit aktar minn sena ilu kienet l-helpline 1579 fejn 24 siegħa kuljum is-sena kollha persuna li tkun fix-xifer u tfittex l-ewwel spalla tista’ ssibha. Telefonata biss ’il bogħod persuna li ħajjitha tista’ tkun imdendla fuq ħajta tista’ tiġi salvata u minn din is-sempliċi telefonata tibda kura biex issaħħaħ il-personalità tagħha lejn karriera ta’ suċċess li minnha mhux biss tista’ tibbenefika hi fuq livell personali, imma anke l-pajjiż fuq livell nazzjonali.

Dan il-helpline matul is-sena li għaddiet irċieva 7,261 telefonata u dan bla ma nsemmu s-sejħa għall-għajnuna mill-Crisis Resolution Team u servizzi oħra li l-għan tagħhom huwa li ngħinu kemm jista’ jkun persuni vulnerabbli.

Il-helpline mhuwiex biżżejjed u għalhekk dan huwa biss ħolqa minn katina ta’ servizzi komprensivi ta’ dawk kollha li jiġu bżonn dawn is-servizzi.  Il-gvern qiegħed jassigura li s-servizzi tal-kura tas-saħħa mentali jkomplu jingħataw ’il barra mill-Isptar Monte Carmeli u li l-istigma tal-passat rigward il-pazjenti konċernati titneħħa.

U bħala ċittadini x’nistgħu nagħmlu? X’tista tagħmel inti biex issalva ħajja? U fuq kollox hemm xi ħaġa li tista’ tagħmel?

L-ewwel u qabel kollox inti tista’ tibda b’attitudni sempliċi li ma tiġġudikax lill-individwu u ma tasal qatt tinjora persuna li tkun tinsab fis-silenzju, speċjalment dawk li taf li mhix normali li jkunu hekk. Jekk persuna jikkuntattjak biex jiftaħ qalbu, jeħtieġ tapprezza li setgħet kienet diġà ħafna diffiċli biex jasal jagħfas in-numri biex jaqbdek u jekk inti se ssabbatlu l-bieb f’wiċċu jaf tkun id-daqqa aħħarija.

Nemmnu li huwa inutli li nitħassru lil dawk il-persuni li jbatu fis-silenzju. Inutli niskantaw u nitkażaw bl-etika meta b’diżvista joħroġ xi rappurtaġġ ta’ każ ta’ suwiċidju fil-midja u ngħidu li qegħdin inħeġġu lin-nies biex jagħżlu dik it-triq. Jekk ma nkunux aħna stess li ngħinu bl-iċken għajnuniet, speċjalment ma’ dawk li nsejħu bħala l-ħbieb tagħna, għalxejn nippuntaw is-swaba’ fuq l-awtoritajiet li mhumiex jagħmlu biżżejjed.

L-iktar persuna li tista’ tidher tajba tista’ tkun l-iktar waħda li qiegħda tbati fis-silenzju ta’ ġlieda ta’ ħsibijiet li jistgħu jkunu qegħdin jeqirduha minn ħin għall-ieħor. Dan ma ngħiduhx aħna. Dan tgħidu l-istorja, b’personalitajiet kbar li f’etajiet li jvarjaw kissru kulma kisbu kawża ta’ problemi ta’ saħħa mentali. Kun parti mis-soluzzjoni. Kun ta’ spalla biex aktar persuni jaslu jfittxu l-għajnuna.

Ekonomija

Sport