Fil-jiem li għaddew komplejna nuru t-triq ‘il quddiem dwar kif se nkunu qed ninvestu il-flus allokalti għal Malta mill-Unjoni Ewropea għas-sebgħa snin 2021-2027.
Ħabbarna l-proposta tagħna dwar kif se ninvestu aktar minn €29 miljun mill-Fond Ewropew għall-Marittimu, is-Sajd u l-Akwaltura. Dawn flimkien huma industrija li għalkemm żgħira, għandha importanza kbira għall-ekonomija tagħna u għall-ħajja soċjali tal-familji Maltin u Għawdxin.
Bil-programm li ressaqna għall-konsultazzjoni pubblika qed nindirizzaw id-diversi sfidi li s-sajjieda Maltin iħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum kuljum fosthom in-nuqqas ta’ interess taż-żgħażagħ fis-settur, l-impatt tal-Covid-19 u flotta tas-sajd li dejjem qed teqdiem. Permezz ta’ dawn il-fondi, anke is-settur tal-Akkwakultura se jkun jista’ jinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni rigward is-sostenibbilità tas-settur fid-dawl tat-tibdil fil-klima u l-impatt ambjentali.
Id-dokument li ppubblikajna jitratta ukoll l-impatt fuq l-ambjent tal-baħar u l-kosta Maltija fejn parti mill-infieq se tkun allokata sabiex jintgħelbu diversi sfidi fosthom iż-żamma ta’ popolazzjonijiet ta’ ħut u frott tal-baħar, il-protezzjoni tal-biodiversità u l-impatt tad-tibdil fil-klima fuq l-ambjent marittimu u kostali.
L-ewwel prijorità li għaliha se jkunu qed jiġu allokati €25 miljun minn dan il-Fond Ewropew, se tkun qed tindirizza it-trawwim ta’ industrija tas-Sajd sostenibbli flimkien mar-restawr u l-konservazzjoni tar-riżorsi bioloġiċi fil-baħar. B’din l-allokazzjoni, se jkunu qed jiġu msaħħa attivitajiet tas-sajd li jkunu ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli, u ser tingħata għajnuna lil dawk li jiefqu temporanjament mix-xogħol f’dan il-qasam sabiex ikollhom sostenn biex itejbu l-livell ta’ għajxien tagħhom.
It-tieni prijorità li għaliha se jiġu allokati €4 miljun, se titratta t-trawwim ta’ attivitajiet sostenibbli, l-ipproċessar u l-promozzjoni ta’ prodotti tal-ħut u tal-akkwakultura biex b’hekk tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel fl-Unjoni Ewropea. Dan se jsir billi jiġu promossi strateġiji ta’ bejgħ, il-kwalità u l-valur miżjud ta’ prodotti mis-sajd u l-akkwakultura, kif ukoll l-ipproċessar tagħhom. Dan l-investiment se jkompli jibni fuq azzjonijiet li ttieħdu qabel sabiex jiżdied l-għarfien tal-konsumatur dwar l-ispeċi ta’ ħut lokali, inkluż dawk imkabbra fil-farms, id-diversità u l-istaġjonalità tagħhom.
L-investimenti proposti f’dan id-dokument huma wkoll fid-direzzjoni tal-Green Deal Ewropew, interventi immirati li jappoġġjaw is-sostenibbiltà soċjo-ekonomika u ambjentali tal-oqsma tas-sajd u l-akkwakultura u b’emfasi akbar fuq ir-riċerka ħalli jittieħdu deċiżjonijiet aħjar dwar l-għarfien, il-kontroll u l-infurzar ta’ dak li għandu x’jaqsam mal-qasam marittimu.
Il-pubbliku inġenerali u l-istakeholders kollha huma mħeġġa jipparteċipaw f’din il-konsultazzjoni pubblika billi jibgħatu s-suġġerimenti jew kummenti tagħhom sal-Ġimgħa 22 ta’ Ottubru, 2021 permezz ta’ email lil [email protected] jew b’ittra lid-Direttur Ġenerali, Taqsima Strateġija u Implimentazzjoni, Taqsima Fondi Ewropej, 32, House of Catalunya, Marsamxett Road, Valletta. Id-dokument sħiħ jista’ jitniżżel mis-sit elettroniku www.eufunds.gov.mt