Sa mill-bidu nett tal-ħidma tal-Partit Laburista, dejjem kien il-leħen tal-mara sabiex tikseb pożizzjoni xierqa fis-soċjetà. Il-Partit Laburista kien minn tal-ewwel biex jagħti d-dritt tal-vot lill-mara, ħatar l-ewwel Ministru mara, l-ewwel Speaker mara u l-ewwel President tar-Repubblika mara. Dawn kienu kollha kisbiet li ċaqalqu l-istatus quo u l-mentalità tas-soċjetà ta’ dak iż-żmien.
Sar ħafna diġà, pero` għad fadal ħafna aktar xi jsir sabiex niżguraw li l-mara jkollha pożizzjoni xierqa fis-soċjetà, speċjalment fejn tidħol ir-rappreżentanza tan-nisa fil-politika.
Minn 67 membru parlamentari, hemm biss 9 li huma nisa. Jekk tħares lejn it-trends minn meta n-nisa ngħataw id-dritt tal-vot f’1945, il-persentaġġ ta’ nisa li daħlu fil-parlament qatt ma żdied iktar minn 15 fil-mija.
Skond ir-rapport ‘Women in politics: 2021’, rapport mill-Unjoni Inter-Parlamentari (IPU) u UN Women, li tippreżenta klassifiki globali għan-nisa f’pożizzjonijiet eżekuttivi, governattivi u parlamentari mill-1 ta’ Jannar 2021, irriżulta li minkejja żidiet fin-numru ta’ nisa fl-ogħla livelli ta’ poter politiku, jippersistu inugwaljanzi mifruxa bejn is-sessi:
- il-progress fin-nisa li għandhom portafolli ministerjali naqas, b’żieda żgħira biss għal minn 21.3 fil-mija fl-2020 għal 21.9 fil-mija fl-2021;
- in-numru ta’ pajjiżi mingħajr nisa fil-gvern żdied; u
- 25.5 fil-mija biss tal-parlamentari nazzjonali huma nisa, meta mqabbla ma’ 24.9 fil-mija s-sena ta’ qabel.
Malta għandha fost l-inqas rata ta’ nisa fil-parlament u għalhekk kellha tittieħed azzjoni immedjata u effettiva biex jiżdied is-sehem tan-nisa fil-politika.
Ma nistax ma nsemmix l-inizjattiva LEAD li tinkoraġġixxi lin-nisa biex jidħlu fil-politika fejn dawn qed jiġu mħarrġa fuq suġġetti varji li għandhom x’jaqsmu mal-politika. Dan il-programm isaħħaħ il-kandidatura femminili.
Iżda dan ma kienx biżżejjed u għalhekk il-Gvern Laburista ħa d-deċiżjoni li jdaħħal il-mekkaniżmu temporanju tar-rapprezentanza ugwali fil-parlament. Huwa fatt li f’pajjizi fejn kien hemm il-mekkanizmu tar-rappreżentanza ugwali fil-parlament, dawn issa għandhom aktar nisa rappreżentati fil-parlament.
Qed naraw kif il-Partit Laburista qed jaħdem sabiex iżżid il-lista ta’ kandidati nisa għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Ma nistgħux niefqu nofs triq, iżda rridu nkomplu naħdmu biex mhux biss innaqqsu iżda neliminaw l-inugwaljanza bejn is-sessi. Għalhekk Gvern Laburista se jkompli jaħdem sabiex din il-ġustizzja soċjali tintlaħaq.