Thursday, December 26, 2024

Is-“self employed” quddiem il-kriżi

Aqra wkoll

Minn Dr Alfred Sant

Mhux is-self employed kollha marru ħażin bil-kriżi tal-corona virus imma dawk li marru ħażin qalgħu daqqa kbira. Huma u d-ditti li jimpjegaw ftit nies, l-aktar fil-qasam tat-turiżmu imma mhux biss, jinsabu daharhom mal-ħajt, jew kważi.

L-appoġġi finanzjarji li ta u għadu qed jagħti l-gvern kienu essenzjali biex jinżammu fil-wiċċ. Milli jidher il-gvern qed jikkunsidra li jġedded l-għajnuniet tiegħu: ħaġa tajba, għalkemm kulħadd jaf li se jkun hemm limitu dwar sa kemm jista’ jibqa’ sejjer b’din il-lanja.

L-istess problema qamet f’pajjiżi Ewropej oħra fejn bħalna, l-piżijiet li daħlu għalihom il-gvernijiet huma bla preċedent.

Li jonqos hi stampa aktar ċara ta’ fejn jinsabu l-aktar problemi akuti li qed iġarrbu l-azjendi ż-żgħar. Jekk talanqas tibqa’ għaddejja l-għajnuna fuq l-aqwa punti ta’ uġigħ, b’aktar sforz l-azjendi nfushom ikunu jistgħu jibqgħu jġorru l-uġigħat anqas akuti. L-isfida hi li l-azjendi ż-żgħar (“mikro”) jinżammu ħajja anke jekk fi stat ta’ koma, sakemm ikunu jistgħu jerġgħu jiġu f’tagħhom meta l-imxija tiddgħajjef għal kollox.

***

BIDU TA’ SENA

Mal-Ewropa kollha, ir-ritorn tat-tfal lejn l-iskejjel wara l-vaganzi tas-sajf qajjem ansjetajiet kbar. Ukoll issa, fejn dal-proċess kważi intemm, l-ansjetajiet għadhom ma battewx.

Kulħadd jaqbel li fl-aħjar interess tat-tfal, l-iskejjel għandhom jerġgħu jiftħu. L-isfida hi: Dan kif jista’ jsir waqt li jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha kontra l-imxija?

Ħaġa ċara li se jinqalgħu interessi vestiti f’sitwazzjoni hekk. Kull ma jaraw huwa l-interess partikolari tagħhom. Imma punti oħra wiesgħa ta’ diffikultà se jitqajmu wkoll b’mod ġenwin minn bnadi oħra b’interess leġittimu u qawwi f’li qed iseħħ.

Hu impossibbli li kulħadd jispiċċa sodisfatt. Minkejja r-riskju ta’ sabotaġġi fini, l-aħjar triq tkun li kull min għandu x’jaqsam ma’ dan l-eżerċizzju diffiċli ħafna, jiġi involut fl-ipprogrammar u t-twettiq tiegħu.

***

XENA KULTURALI

Ix-xena kulturali mal-Ewropa kollha wkoll tqagħbret sew mill-Covid 19. Naqsu l-appoġġi finanzjarji, sparixxew l-udjenzi, il-preżentazzjoni ta’ ħidmiet kulturali irtasset u trażżnet.

Nemmen li għad jasal iż-żmien fejn dan kollu jwassal għal xi forma ta’ rinaxximent artistiku, hekk li anke l-publiku jirreġistra ħerqa ġdida lejn l-arti u l-kultura.

Biss, sakemm dak iż-żmien jasal, ħafna mill-promoturi, aġenti u kreaturi tal-arti se jkollhom iterrqu minn deżert niexef u jikwi. Kif se jkampaw? Jekk wisq minnhom iċedu l-armi jew jikkollassaw waqt li jħabirku biex jibqgħu attivi, it-tama tar-rinaxximent tista’ tibqa’ ħajja?

Pajjiżi bħal Franza qed ivaraw programm ta’ appoġġ finanzjarju biex isostnu x-xena kulturali. Se jkun biżżejjed? Jew f’dal-każ, mhijiex biss kwistjoni ta’ flus?

Ekonomija

Sport