Thursday, May 9, 2024

“L-Ewropa m’għandhiex bżonn li nkunu ħajjin”

Aqra wkoll

Immigranti f’ittra imqanqla lill-kaptan tal-bastiment Maersk Etienne 

Minn Victor Vella

“Kaptan, nirringrazzjawk għal isforzi kollha tiegħek. Napprezzaw is-solidarjetà li inti urejt magħna. Int l-eroj tagħna. Għandna bżonnok biex inwasslu l-messaġġ lill-Ewropa. Jekk mhux se tinstab soluzzjoni, aħna se nerġgħu lura lejn il-baħar b’kull mezz possibbli. Dan għax il-bastiment sabna fl-istess baħar u sar att kriminali li inti salvajtilna ħajjitna. L-Ewropa m’għandhiex bżonn li aħna nkunu ħajjin”.

Dan hu l-messaġġ ta’ ittra mqanqla minn 27 immigrant abbord il-bastiment Maersk Etienne kitbu lill-kaptan. Dawn il-persuni li kienu qed jaqsmu mil-Libja lejn l-Ewropa, ġew salvati fil-5 ta’ Awwissu li għadda. Huma ilhom aktar minn xahar bejn sema u ilma abbord dan it-tanker, jistennew li jingħataw permess li jidħlu f’port sigur.

Intant Medecins Sans Frontieres (MSF) qalet li “it-tobba tagħna fuq Sea Watch 4 qed jaħsbu fikom. Nafu l-impatt fiżiku u psikoloġiku li għaddejjin minnu.  Nafu xi jħossu dawk li jiġu salvati imma ma jingħatawx port biex jidħlu fih.  Li ilkom aktar minn xahar bejn sema u ilma hu att inuman”.

Intant ftit jiem ilu, erba’ għaqdiet non governattivi internazzjonali talbu għal intervent urġenti mir-Rapporteurs Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti li jfittxu għajnuna umanitarja u żbark sigur għas-27 persuna salvati minn Maersk Etienne.

L-għaqdiet li huma Sea Watch, Alarm Phone, Sea-Watch u Mediterranea – Saving Humans u CSDM, iddikjaraw li skont l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji stabbiliti tal-liġi marittima, dawn l-immigranti għandhom jingħataw port.

Uffiċjal għal Maersk kien iddikjara li l-ekwipaġġ tagħhom se jkomplu jipprovdu kemm jista’ jkun appoġġ u assistenza lil dan il-grupp vulnerabbli, iżda wara 30 ġurnata m’għandhomx ir-riżorsi biex joffru kura umanitarja u għajnuna medika. L-istess uffiċjal enfasizza li l-vapur la huwa ddisinjat u lanqas mgħammar biex jakkomoda nies addizzjonali.

Sport