Tuesday, December 24, 2024

Is-self ta’ kotba mil-libreriji pubbliċi jiżdied bi 8% fl-ewwel erba’ xhur tas-sena

Aqra wkoll

In-numru ta’ kotba mislufa mil-libreriji pubbliċi fil-Gżejjer Maltin żdied b’madwar 8 fil-mija bejn Jannar u April 2024 meta kkumparat mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Fil-fatt, skont statisika maħruġa minn Malta Libraries jirriżulta li bejn l-Jannar u April 2023 ġew mislufa total ta’ 224,128 ktieb filwaqt li l-kotba mislufa fl-istess perjodu din is-sena żdied b’19,716 biex tela’ għal 243,844.

Din l-istatistika tinkludi fiha kemm is-self tal-ebooks kif ukoll tat-talking books. Barra minn hekk, tinkludi wkoll self ta’ kotba li nsibu f’libreriji li jinsabu f’djar tal-anzjani.

Mil-Librerija Ċentrali ta’ Beltisebħ ġew mislufa 33,515 ktieb fiżiku fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena. Il-maġġorparti tal-kotba mislufa jiġifieri 70% ġew mifslufa mis-sezzjoni tat-tfal tal-Librerija Pubblika ta’ Beltisebħ.

L-aktar tliet libreriji wara l-Librerija Ċentrali ta’ Beltissebħ li ġew mislufa kotba fiżiċi minnhom fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena kienu l-libreriji Reġjonali ta’ Ħal Luqa, il-Librerija Reġjonali ta’ Birkirkara u l-Librerija Reġjonali tal-Mosta.

Mill-banda l-oħra, jekk wieħed iħares lejn Għawdex, isib li n-numru ta’ kotba fiżiċi mislufa mil-libreriji pubbliċi f’Għawdex fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena kien jammonta b’kollox għal 33,073. L-aktar libreriji li ġew mislufa kotba minnhom f’Għawdex wara li l-Librerija Ċentrali tar-Rabat kienu l-libreriji tan-Nadur, ix-Xewkija u dik ta’ Għajnsielem.

Finalment, kien hemm żieda ta’ 62% fil-mija fis-self ta’ ebooks meta ikkumparat mal-istess perjodu s-sena li għaddiet. Filwaqt li bejn Jannar u April 2023 ġew mislufa 13,174 ebook mill-Libby App ta’ Malta Libraries, in-numru ta’ ebooks li ġew mislufa fl-istess perjodu din is-sena żdied b’aktar minn 22,000 u tela’ għal 35,313.

Ekonomija

Sport