Il-President Franċiż Emmanuel Macron wissa li theddida ta’ attakki ibridi mir-Russja kontra l-Ewropa u Franza intensifikat. F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz Élysée, Macron żvela li huwa ordna pjan biex tiġi protetta l-infrastruttura kritika u s-siti tal-industrija tad-difiża Franċiża.
Il-President Macron kien qed ikellem lill-ġurnalisti wara li ltaqa’ mal-mexxejja tal-partiti biex jiddiskutu l-impatt tal-gwerer fil-Lvant Nofsani u fl-Ukrajna fuq is-sigurtà ta’ Franza.
Għadd dejjem jikber ta’ mexxejja Ewropej wissew li r-Russja tista’ qed tipprepara attakki biex tittestja l-impenn tal-pajjiżi Ewropew li jappoġġjaw lill-Ukrajna.
L-attakki jew gwerer ibridi huma termini ġenerali li jintużaw biex jiddeskrivu metodi mhux militari – bħal ċiberattakki, sabutaġġi jew tixrid ta diżinformazzjoni – imfassla biex jeżerċitaw pressjoni u jiddestabilizzaw l-avversarju. Dawn spiss jitwettqu permezz ta’ intermedjarji, iżda r-Russja dejjem tiċħad li hija involuta f’attakki bħal dawn, minkejja l-evidenza dejjem tikber li tindika l-kuntrarju.
Macron semma l-attakk bid-drones tax-xahar li għadda fuq l-ajruport ta’ Leipzig fil-Ġrmanja – li għalih ġiet akkużata r-Russja – kif ukoll ir-rimarki tal-Prim Ministru Pollakk Donald Tusk, li ssuġġerixxa li r-Russja kienet qed tippjana attakki bid-drones u bil-missili kontra l-Polonja u pajjiżi oħra fin-naħa tal-Lvant tan-NATO.
Nhar il-Ħamis Tusk qal lill-Membri Parlamentari Pollakki li l-pjanijiet Russi kienu jinkludu attakki minn drones u missili fuq pajjiżi li jappoġġjaw lill-Ukrajna. Huwa qal li kien hemm “riskju reali” ta’ attakki bħal dawn fit-territorju tal-pajjiżi tan-NATO, b’Moska mbagħad issostni li kienu “aċċidentali” f’attentat biex tifred l-alleanza.
Il-President Russu Vladimir Putin ripetutament ċaħad li r-Russja għandha il-ħsieb li tattakka lill-Ewropa, iżda l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Sergey Lavrov wissa lin-nazzjonijiet Ewropej milli jibagħtu truppi fl-Ukrajna, pass li r-Russja tqisu bħala dikjarazzjoni ta’ gwerra.
Lavrov stqarr li “jekk l-Ewropa tattakka lir-Russja, tkun gwerra differenti għalkollox, u tkun waħda qasira ħafna.”
Sadanittant, nhar il-Ġmgħa, ir-Russja reġgħet enfasizzat it-twissija tagħha lir-Renju Unit li kwalunkwe faċilità militari Brittanika fl-Ukrajna li tintuża biex jintlaqat it-territorju Russu kienet tikkostitwixxi “mira leġittima”.
Sostniet ukoll li kienet qed tirriserva d-dritt li tieħu “miżuri kontro-offensivi meħtieġa” bħala reazzjoni għall-pożizzjoni ta’ konfrontazzjoni qawwija tar-Renju Unit fir-rigward tal-Ukrajna, b’referenza għall-provvista ta’ drones u sistemi oħra ta’ armi lil Ukrajna.
