Friday, December 13, 2024

IS-SENA TAL-ELEZZJONI

Aqra wkoll

Qlibna l-kalendarju u dħalna fis-sena l-2022. Sena partikolari ħafna għax fiha se jkollna l-elezzjoni ġenerali.

Nibda billi nserraħ ras kulħadd li tiġi meta tiġi l-elezzjoni, aħna preparati sewwa. Huwa biss il-Prim Ministru li jrid jagħżel l-aħjar żmien propizju għal pajjiżna. Ilna ħafna nisimgħu spekulazzjonijiet ġejjin mill-kamp oppost u jippruvaw jiżgwidaw lin-nies. Il-verità li lanqas il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jrid li tiġi l-elezzjoni għax jaf li fil-mument li l-Prim Ministru jsejjaħha l-ġranet tiegħu biex iħalli l-kariga jibdew jitnaqqru.

Lil’hinn mill-Partit Nazzjonalista, dan il-Gvern matul din il-Leġislatura ħadem bis-sħiħ u llum nistgħu immorru quddiem il-poplu u nuruhom x’għamilna. Il-verità hi li l-ħidma li twettqet ħalliet l-effett tagħha u l-poplu diġa konxju peress li esperjenza kwalità ta’ ħajja aħjar. 

Ma ninsewx li l-Partit Laburista meta tela’ fil-Gvern, wiret pajjiż li kien jimxi bit-tlikki tlikki. Pajjiż li l-korruzzjoni kienet fnietu u l-proġetti li kienu jsiru, kienu mqanżħa u għal tal-qalba. Gvern Laburista mill-ewwel dawwar ir-rotta bdejn nkunu aktar serji f’xogħolna billi nippjanaw b’serjetà u fit-tul. Minflok inraqqghu t-toroq għax ġej il-Papa jew ir-Reġina, imbarkajna fuq proġett ta’ konnettività mal-pajjiż kollu. Bdejna naraw toroq arterjali li twessgħu, inbdew pontijiet u flyovers, linji għar-roti u anke strutturi biex in-nies ikunu jistgħu jaqsmu mingħajr periklu.

Konna sibna wkoll dejn bla kontroll li l-Unjoni Ewropea kienu tefgħuna fl-excessive deficit procedure, li tfisser li Malta ma setgħetx tgħaddi l-budget kif trid hi imma kien ikun imponut mill-UE u tiddetta ċerta miżuri li jidhrilha biex itaffi d-dejn. Imma anke hawn dawwarna r-rotta u bnejna kredibilità sakemm pass pass dawwarna l-iżbilanċ favurina u bdejna naraw surplus wara tant u tant snin. Il-monotonija li konna mdorrijin biha taħt Gvernijiet Nazzjonalisti bdiet tinbidel f’mentalità aktar pożittiva.

Il-bidu ta’ din il-leġislatura jibqa’ mfakkar għall-mod kif l-ekonomija tal-pajjiż kienet waħda tal-għola livell. Xogħol u xogħol kemm trid. Min iħaddem jipprova jsib min jaħdem miegħu biex ilaħħaq mal-produttività tiegħu. Il-ħaddiem beda jaħdem iżjed u anke jidħol bis-sahra li fissret iktar flus fil-but. Sadanittant, rekord wieħed wara l-ieħor fit-turiżmu, proġetti ma jispiċċaw qatt u investimenti lokali u barranin ġejjin lejn pajjiżna. Dan kollu ġab numru ta’ ħaddiema barranin li għażlu lil Malta bħala d-destinazzjoni futura tagħhom. Dan ġab iktar xogħol għax dawn il-ħaddiema bdew jikru u jużaw lukandi biex jirresjedu hawn Malta. Huma wkoll bdew jiġġeneraw l-ekonomija. Sadanittant il-Maltin bdew jagħżlu postijiet tax-xogħol ta’ kwalità u li jitħallsu iktar. Litteralment, boom ekonomiku fejn kulħadd kien qiegħed jaqlagħha tajjeb.

Il-Gvern imbagħad ħares kif jilqa’ għal dawn l-isfidi ġodda biex inlħħqu ma’ dan it-tkabbir ekonomiku. L-iskema ta’ child care b’xejn ħajret iktar nisa biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Emminna fin-nisa u l-kapaċitajiet tagħhom u taffejnilhom il-problemi b’iktar family friendly measures li taħom iktar flessibilità biex jiffjorixxu fil-karriera tagħhom. Fl-istess waqt ingħataw boroż ta’ studju biex il-ħaddiem Malti jtejjeb il-ħiliet tiegħu. Liż-żgħażagħ tajniehom iktar opportunitajiet ġodda anke f’oqsma innovattivi fid-dinja mgħaġġla tal-llum. 

Niġbor dan kollu f’esperjenza sabiħa li dan l-iżgħar pajjiż fl-Ewropa kien qiegħed iġib l-aqwa riżultati u l-viżjoni tal-aqwa pajjiż fl-Ewropa bdiet tiġi materjalizzata.

Imbagħad sfortunatament ġiet il-pandemija. Propju ftit ġimgħat wara li l-laħaq Dr. Robert Abela bħala Prim Ministru. Hekk kif appena ħa l-kariga sab dan il-maltemp li ħasad lid-dinja.

Il-Gvern ħaseb fuq kif ser itaffi d-daqqa ekonomika li pandemija tista’ ġġib magħha. B’investiment ta’ €1.5 biljun, il-Gvern ħaseb kif tul il-pandemija jwennes lin-negozji tagħna sabiex iżommu l-ħaddiema ingaġġati magħhom. Imbagħad meta erġajna ftaħna, il-Gvern ħareġ numru ta’ vouchers sabiex jintnefqu lokalment biex nistimulaw l-ekonomija tagħna. Din il-miżura ntlaqgħet tajjeb kemm mill-familji li sabu forma ta’ dħul ieħor f’mument fejn diffiċli u anke man-negozji li riedu jsibu saqgħajhom mill-ġdid. Dawn huma d-deċiżjonijiet bi ħsieb, bil-għaqal u bi pjan għall-ġid ta’ pajjiżna. 

Issa rridu nħarsu ‘l quddiem. Il-pandemija trid tgħaddi u finalment nerġgħu niġu għan-normalità li konna mdorrijin biha qabel. Bil-mod kif mexa dan il-Gvern, Malta ser tkun minn tal-ewwel pajjiżi li tirkupra malajr u taqbad it-triq tas-suċċess.

Il-Ħadd it-Tajjeb.

Ekonomija

Sport