Wednesday, December 25, 2024

Is-senat Amerikan jimblokka għajnuna lill-Ukrajna

Aqra wkoll

Ir-Repubblikani fis-Senat Amerikan imblukkaw abbozz ta’ liġi dwar għajnuna lill-Ukrajna. Dan wara li ma ġewx assigurati kompromessi mal-fruntieri bi skambju għall-għajnuna.

Il-pakkett ta’ għajnuna kien jammonta għal $110 biljun u kien jinkludi $61 biljun għall-Ukrajna, kif ukoll fondi għall-Iżrael u għajnuna għal Gaża. Din l-għajnuna kienet se tingħata wara li l-White House wissiet li l-fondi tal-Istati Uniti għall-Ukrajna waslu biex jispiċċaw.

L-Ukrajna hija dipendenti ħafna fuq l-għajnuna mill-Istati Uniti u kemm-il darba ma tiġix żgurata aktar għajnuna mill-Istati Uniti jkun ifisser “possibbiltà kbira ħafna” li l-Ukrajna titlef il-gwerra mar-Russja.

Filwaqt li l-membri Repubblikani huma ġeneralment favur l-għajnuna lill-Ukrajna, xi wħud fittxew li jużaw il-kwistjoni bħala mod biex jindirizzaw it-tħassib domestiku dejjem jiżdied fuq il-fruntiera tan-Nofsinhar tal-Istati Uniti.

Is-Senaturi Repubblikani kollha vvutaw kontra u l-abbozz ta’ għahnuna ġie mblukkat b’51 vot kontra 49 vot. Biex abbozz jgħaddi mis-senat irid jikseb 60 vot favur. Dan il-vot kontra mhux biss tefa’ f’inċertezza l-futur tal-għajnuna Amerikana għall-Ukrajna iżda wkoll se jintbagħat lura lejn il-mejda tan-negozjati jiem biss qabel il-Kungress jieqaf għax-xitwa.

Ir-Repubblikani qed jinsistu li kwalunkwe għajnuna lill-Ukrajna tkun marbuta ma’ riformi kbar tal-immigrazzjoni u l-ażil tal-Istati Uniti.

Aktar kmieni l-Erbgħa, il-President tal-Istati Uniti Joe Biden qal li kien lest jagħmel kompromessi sinifikanti dwar il-fruntiera sabiex l-abbozz tal-għajnuna jgħaddi. Filwaqt li sostna wkoll illi l-għajnuna lill-Ukrajna ma tistax tistenna, akkuża lir-Repubblikani fil-Kungress illi huma lesti li jagħtu lil Putin l-akbar rigal li jista’ jittama għalih.

Nhar l-Erbgħa wkoll, l-amministrazzjoni Biden ħabbret $175 miljun f’assistenza ġdida ta’ sigurtà għall-Ukrajna mill-provvista ta’ finanzjament li diġà ġiet approvata. Il-pakkett jinkludi munizzjon, inklużi missili u makkinarju tal-artillerija, kif ukoll tagħmir biex jipproteġi infrastruttura nazzjonali kritika.

It-tħassib dwar il-futur tal-pakkett ta’ $110 biljun kiber nhar it-Tlieta wara aġġornament klassifikat għal-leġiżlaturi bil-għan li jsaħħaħ l-appoġġ għal fondi ġodda li waqa’ b’mod spettakolari.

L-abbozz tas-Senat kellu bżonn disa’ voti Repubblikani biex javvanza, minimu li fl-aħħar mill-aħħar hu għoli wisq. Wara li falla l-vot, xi Demokratiċi esprimew frustrazzjoni lejn il-kollegi Repubblikani tagħhom.

Diversi Senaturi qalu li filwaqt li se jsegwu aktar negozjati, mhuwiex ċar jekk jistax jinkiseb xi progress qabel ma l-Kungress jieqaf għall-vaganzi l-ġimgħa d-dieħla. Wieħed mir-Repubblikani li oppona l-pakkett, Lindsey Graham ta’ South Carolina, qal li ma jemminx li tinstab soluzzjoni sa dak iż-żmien.

Anke li kieku għadda fis-Senat, il-pakkett xorta kien jiffaċċja battalja fil-Kamra tad-Deputati.

Minn mindu r-Russja nvadiet l-Ukrajna fi Frar 2022, il-Kungress approva aktar minn $110 biljun f’għajnuna militari u ekonomika lill-Ukrajna, li l-biċċa l-kbira tagħha diġà tqassmet.

Ekonomija

Sport