Friday, May 29, 2026

Is-sentiment ekonomiku jimmodera imma jibqa’ madwar il-medja storika

Aqra wkoll

– rapport tal-Bank Ċentrali 

L‑attività ekonomika f’Malta mmoderat xi ftit. L-indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f’April it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali tbaxxa lejn il-medja storika. Sadattant kien hemm tnaqqis fil-produzzjoni industrijali f’Marzu, filwaqt li r-rata annwali tat-tkabbir fil-kummerċ bl-imnut immoderat. Il-produzzjoni tas-servizzi żdiedet fi Frar wara tnaqqis fit-tliet xhur ta’ qabel. Min-naħa l-oħra, l-attività fit-turiżmu f’Marzu kibret b’mod aktar moderat. 

Minkejja li baqa’ ogħla mill-medja storika, is-sentiment ekonomiku ddgħajjef hekk kif naqset il-fiduċja fis-setturi tal-industrija u s-servizzi. Kollox ma’ kollox, skont l-Indikatur tal-Inċertezza Ekonomika tal-Kummissjoni Ewropea, kien hemm inqas ċertezza ekonomika f’April. 

Il-kundizzjonijiet tal-provvista u d-domanda fis-suq tal-proprjetà baqgħu b’saħħithom. F’April, il-permessi għal binjiet residenzjali kienu f’livell ogħla minn sena qabel, iżda l-permessi għal binjiet kummerċjali naqsu. Madankollu, kemm in-numru ta’ konvenji għal binjiet residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta’ bejgħ żdiedu fuq is-sena ta’ qabel.

Is-suq tax-xogħol juri xi sinjali ta’ tnaqqis. F’April, l-Indikatur tal-Aspettattivi dwar l-Impjiegi tal-Kummissjoni Ewropea niżel taħt il-medja storika tiegħu. Ir‑rata tal‑qgħad f’Marzu baqgħet l‑istess fil-livell ta’ 3.5% għat‑tielet xahar konsekuttiv, iżda kienet ogħla mir-rata rreġistrata fl-istess xahar sena qabel.

Ir‑rata tal‑inflazzjoni ta’ Malta żdiedet f’April għalkemm kienet ferm inqas minn dik fiż‑żona tal‑euro. Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) telgħet bi ftit għal 2.5% f’April, filwaqt li l-inflazzjoni HICP mingħajr il-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel baqgħet l-istess fil-livell ta’ 2.4%. Fiż-żona tal-euro, l-inflazzjoni HICP kienet ogħla minn dik f’Malta minħabba żieda fl-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija. Meta teskludi l‑prezzijiet tal‑enerġija u tal‑ikel, l‑inflazzjoni HICP f’Malta kienet ogħla. Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), l‑inflazzjoni f’April telgħet bi ftit għal 2.8%.

F’Marzu, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit akbar meta mqabbel ma’ dak irreġistrat sena qabel, minħabba nefqa ogħla flimkien ma’ tnaqqis fid-dħul, li rriżulta minn dħul aktar baxx mit-taxxi. 

Ir-rata annwali tat-tkabbir fid‑depożiti tar‑residenti Maltin telgħet filwaqt li s-self kiber bl-istess rata ta’ Frar. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport