Sunday, December 22, 2024

“Is-separazzjoni mandatorja pass kuraġġuż fl-istorja tal-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna”

- il-Ministru Miriam Dalli

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn għada, l-14 ta’ April, is-separazzjoni tal-iskart se tkun mandatorja għal kulħadd, kemm għan-negozji, għaqdiet u entitajiet governattivi kif ukoll għall-iskart li jinġabar mid-djar.

Dwar dan tkellimna mal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli li fissret is-separazzjoni mandatorja bħala pass kuraġġuż fl-istorja tal-immaniġġjar tal-iskart, wara li ilna snin b’sistema volontarja.

Hija bdiet billi qalet li l-iskart huwa riżorsi u li qed jittieħdu numru ta’ passi biex inbiddlu l-immaniġġjar tal-iskart minn sfida f’opportunità li tgħinna fil-mixja tagħna favur is-sostenibbiltà.

“Hija sfida ewlenija, mhux b’inqas għax dan kien settur minsi u l-unika soluzzjoni li kienet tiġi offruta kienet iddur mal-iżvilupp ta’ aktar miżbliet. Mill-banda l-oħra, aħna ridna ntellqu rivoluzzjoni f’dan il-qasam, biex naraw kif nimmaniġġjaw aħjar u nnaqqsu l-iskart, u fuq kollox biex ma titteħidx aktar art,” kompliet tgħid il-Ministru Dalli.

Qalet li ninsabu f’realtà li hemm miri x’jintlaħqu. Bħalissa pajjiżna dipendenti ħafna fuq landfilling, b’rati ta’ bejn 80 u 90 fil-mija tal-iskart li jispiċċa f’landfills.

Għaldaqstant mill-ewwel ta’ Jannar bdiet sistema ġdida ta’ gate fees sabiex jiġi inċentivat is-separazzjoni tal-iskart ‘at source’, għaddejjin l-investimenti fuq l-impjanti l-ġodda tal-kumpless Ecohive u, t-tielet pass, hija s-separazzjoni mandatorja tal-iskart għal privat u għad-djar.

Il-Ministru Dalli kompliet tgħid li l-pjan tal-iskart jitlob riforma ta’ kif jinġabar l-iskart, u hekk bdejna nagħmlu fil-bidu ta’ din is-sena, bl-ewwel skeda nazzjonali tal-ġbir tal-iskart f’pajjiżna, u bil-ġbir tal-iskart fuq bażi reġjonali minflok lokali.

“Biex insaħħu aktar is-separazzjoni ta’ l-iskart żidna l-ġabra tal-borża organika, li issa qed tinġabar tliet darbiet u l-borża s-sewda tinġabar darbtejn.”

Finalment, il-Ministru Dalli qalet li tinsab konvinta li l-familji u n-negozji se jagħtu s-sehem tagħhom biex innaqqsu l-iskart u nkunu parti mis-soluzzjoni li tagħti futur aħjar lilna, u lil uliedna.

Ekonomija

Sport