Wednesday, July 24, 2024

“Is-separazzjoni tal-iskart se jsir mandatorju” – Aaron Farrugia

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal fil-Parlament li s-separazzjoni tal-iskart se jsir mandatorju għall-familji u anke għan-negozji.

Huwa irrimarka dan waqt li kien qed iwieġeb sensiela ta’ mistoqsijiet dwar l-ambjent inkluż b’rabta mal-iskart.

Farrugia semma wkoll kif wara li mill-1 ta’ Jannar li għadda twaqqfet l-importazzjoni tas-‘single-use plastic’ mill-1 ta’ Jannar 2022 se jitwaqqaf il-bejgħ tiegħu.

Huwa qal li fil-qasam tal-iskart resqin biex nagħmlu rivoluzzjoni u fir-rigward tas-separazzjoni tiegħu semma kif se tiġi introdotta borża oħra biex ikun hemm waħda għall-plastik u oħra għall-karti.

Fost il-mistoqsijiet li sarulu kien hemm dik tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi dwar “irwejjaħ insapportabbli” fl-inħawi tal-pjazza ta’ Raħal Ġdid u l-Ħabs li wasslu biex fl-aħħar jiem in-nies ħarġu bl-imkatar ma’ wiċċhom.

Farrugia wieġbu li fiż-żmien indikat minnu, jiġifieri Diċembru u Jannar, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma rċeviet ebda ilment u talbu jiggwida lil min tah l-informazzjoni biex iressaq l-ilment lill-istess ERA.

Huwa identifika l-impjant tal-iskart fil-Marsa bħala post minn fejn jista’ jkun li ġejja r-riħa u irrefera għall-proġett ta’ €50 miljun li se jwassal biex dan jiżżarma u jsir il-proġett fil-Magħtab.

Il-ministru responsabbli mill-ambjent kien mistoqsi wkoll mid-deputat Nazzjonalista David Thake kemm swiet il-karozza tal-għamla Tesla li juża u jekk hiex mixtrija jew mikrija.

Farrugia wieġbu li l-karozza hija waħda elettrika li nkriet bir-rata ta’ €50 kuljum, VAT eskluża, u żied li permezz tagħha se jkun qed inaqqas it-tniġġiż bi ftit anqas minn seba’ tunellati ta’ dijossidu tal-karbonju fis-sena.

Ekonomija

Sport