F’Ħal Qormi, wara li fl-2020 kien hemm tnaqqis fir-rapporti ta’ reati li saru mal-Pulizija, is-sena l-oħra kienet irreġistrata żieda bl-aktar reat ikun dak ta’ serq b’227-il wieħed. Dan l-ammont jirriżulta f’medja ta’ serqa kull jumejn mentri l-aktar reat li żdiec f’din il-lokalità kien dak tad-drogi. Fil-fatt fl-2021 saru sitt darbiet iżjed rapporti fir-rigward mis-sena preċedenti.
Fl-2020 fl-għassa ta’ Ħal Qormi daħlu ħames rapporti ta’ reati marbuta mad-droga, mentri fl-2021 dan l-ammont tela’ għal 33 wieħed. Dan kien wieħed mid-dettalji li ħarġu minn mistoqsija parlamentari li saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byorn Camilleri, fejn ta lista sħiħa ta’ reati li ġew irrapportati lill-Pulizija f’din il-lokalità f’dawn l-aħħar ħames snin.
Is-sena l-oħra l-aktar reat irreġistrat kien dak ta’ serq, segwit mill-frodi b’84 rappport (żieda ta’ 55 rapporti mill-2020) u vjolenza domestika b’65 każ. Dan tal-aħħar kien wieħed mir-reati li ra tnaqqis meta mqabbel mas-sena preċedenti. Fl-2020 saru 69 rapporti ta’ vjolenza domestika u għaldaqstant hawnhekk rajna tnaqqis ta’ erba’ rapporti.
Fenomenu ieħor li -reati relatati ġew irrapportati f’Ħal Qormi kien dak ta’ użu ħażin mill-kompjuter fejn fl-2021 kważi rdoppja mis-sena preċedenti. Fil-fatt is-sena l-oħra dan ir-reat kien irrapportat għal 15-il darba mentri fl-2020 dan l-ammont kien ta’ tmienja.
Ebda rapporti ta’ reati ta’ infantiċidju u ta’ ġuramenti foloz
Reati oħra rrapportati mal-Pulizija f’Ħal Qormi fl-2021 jinkludu ħsara (48); attentati ta’ offiżi (23); theddid u vjolenza (15); każijiet fejn persuni pprovaw iqabbdu n-nar apposta (5); offiżi sesswali (5); u ħasil ta’ flus (3). F’din il-lokalità ma ġew irrapportati ebda reati ta’ infantiċidju u ta’ ġuramenti foloz.
Meta wieħed jagħti ħarsa lejn ir-reati kollha li ġew irrapportati f’Ħal Qormi f’dawn l-aħħar ħames snin it-total huwa ta’ 2,660-il wieħed, medja ta’ 532 rapporti fis-sena. Is-sena l-oħra t-total tar-rapporti kien ta’ 588, 56 rapporti iżjed mill-medja. Għaldaqstant is-sena l-oħra kienet l-aktar sena minn dawn l-aħħar ħamsa, li saru rapporti mal-Pulizija f’din il-lokalità. L-inqas sena li saru rapporti kienet l-2020 b’total ta’ 491 reati. Fis-snin preċedenti, jiġifieri fl-2017, l-2018 u l-2019 it-total ta’ reati rrapportati f’Ħal Qormi kienu ta’ 492, 576 u 513 rispettivament.
L-aktar reat li ġie rrapportat f’din il-lokalità f’dawn il-ħames snin kien konstantament dak ta’ serq b’total ta’ 1,085 il-każ.