Saturday, November 9, 2024

IS-SERVIZZ ĠDID TAL-BANK LI JOFFRI PRIJORITÀ LILL-ANZJANI

Aqra wkoll

Hekk kif tneħħew diversi restrizzjonijiet f’pajjiżna relatati mal-pandemija Covid-19, il-Bank of Valletta ntroduċew servizz ġdid ta’ prijorita għall-anzjani (60+) sabiex itejbu l-esperjenza tal-klijenti anzjani li jinqdew mill-fergħat tagħhom. 

Servizz li beda jiġi offrut minn 30 fergħa madwar Malta u Għawdex fil-jiem tal-Ġimgħa u s-Sibt bejn it-8.15am u d-9.30am, fejn jippermetti lill-klijenti eliġibbli jinqdew qabel u iktar malajr, meta huma jippreżentaw il-Karta tal-Identità 60+ tagħhom. Servizz li għandu jittieħed in konsiderazzjoni mill-bqija tal-banek kollha madwar pajjiżna. Apparti inizjattivi oħrajn biex isaħħu l-mod tas-servizzi diġitali, il-kuntatti fiżiċi u dak permezz tat-telefon.

Dan l-aħħar diversi nies, speċjalment l-anzjani kienu qed jilmentaw hekk kif bdew isibu diffikulta biex jinqdew mill-banek madwar Malta u Għawdex, minħabba n-numru dejjem jiżdied ta’ għeluq ta’ fergħat, nuqqas ta’ ATM’s li ma jinstabux aċċessibbli f’kull belt u raħal u l-ħinijiet twal jistennew fuq saqajhom fit-temperaturi kesħin jew għoljin f’pajjiżna.

Għalkemm il-banek dejjem qed iħeġġu lin-nies jinqdew bl-ATMs u internet banking, uħud, speċjalment l-anzjani, mhux dejjem iħossuhom komdi, sikuri u kapaċi jużawhom. Għalhekk il-banek għandhom ikomplu jappoġġjaw lil dawk il-klijenti li jippreferu jirrikorru għas-servizzi tal-kaxxiera fil-fergħat b’mod effiċjenti.

L-anzjani m’għandhomx iħossuhom tallaba mal-banek għal flushom stess. Skjavi u numri. M’għandhomx iħossuhom li tilfu l-privatezza tagħhom hekk kif ikollhom bilfors iqabbdu lil xi ħadd imur jaqdihom għax jaqtgħu qalbhom. Minbarra li ma jħossuhomx sikuri li qed jimmaniġġjaw il-finanzi tagħhom.

Dan kollu qed iżied ukoll id-diffikultà u l-istress li qed jiffaċċjaw ta’ kuljum il-ħaddiema tal-banek. Il-pressjoni kbira ta’ xogħol u proċeduri interni li jxekkluhom f’ħidmiethom. Apparti t-targets għoljin li diffiċi li jintlaħqu, kif ukoll kultant, nuqqas ta’ apprezzament min-naħa tal-management, li jwasslu għal demotivazzjoni ġenerali fost l-impjegati.

Jeħtieġ li nifhmu li l-banek Maltin apparti l-aspett kummerċjali għandhom ukoll funzjoni soċjali fis-soċjetà Maltija.

Waqt li l-banek qed ikomplu jinvestu fil-pjattaformi diġitali, madankollu għandhom jibqgħu ffokati sabiex jaraw li l-klijenti jibqgħu jingħataw servizzi konvenjenti u faċilment aċċessibbli b’mod fiżiku.

Sport