Saturday, May 4, 2024

Tibda il-Maratona tal-Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza.

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta, l-E.T. Dott. George Vella akkumpanjat mis-Sinjura Vella il-Ġimgħa filgħaxija inawgura it-12-il edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball wara waqfien ta’ sentejn minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

F’kelmtejn tal-okkażjoni huwa aċċenna għall-ħidma li twettaq kuljum id-Dar tal-Providenza u li qed tkompli twettaq bl-istess enerġija u determinazzjoni tal-fundatur tagħha Mons. Mikiel Azzopardi. Huwa awgura lill-40 player li għal-53 siegħa sħaħ sal-Ħadd f’nofsilejl se jisfidaw it-temperaturi għoljin li qed jaħkmu din il-maratona.

Il-President qal li din hi okkażjoni biex il-poplu Malti kollu jingħaqad flimkien biex bid-donazzjoni tiegħu jipprovdi lill-persuni b’diżabilità residenti tad-Dar tal-Providenza b’dak kollu li għandhom bżonn għal kwalità ta’ ħajja aħjar li fuq kollox huwa dritt tagħhom.

Preżenti wkoll kien hemm  l-Onor. Clifton Grima, Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, l-Onor. Graziella Galea, Kelliema tal-Oppożizzjoni u Ms Nancy Camilleri, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur.

Sal-Ħadd li ġej, kull filgħaxija se jkun hemm spettaklu mużikali fuq il‑palk prinċipali, ikel u logħob għat‑tfal.  Il‑Maratona qed tingħata wkoll f’xandiriet diretti fuq l‑istazzjonijiet ewlenin kif ukoll fuq is‑sit elettroniku u l-paġna ta’ Facebook tad‑Dar tal‑Providenza. Minbarra l-40 player protagonisti tal-Maratona hemm ukoll madwar 200 voluntier.

Il-pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in-numri li qed nagħtu aktar l-isfel, juża l-BOV Mobile Banking jew il-PayPal jew jagħti donazzjoni online fil-kontijiet bankarji tad-Dar mal-APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank u BNF Bank.  Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit : www.sabihlitaghti.org

  • €10         5160 2011
  • €15         5170 2012
  • €25         5180 2013
  • €50         5190 2070
  • €100   5130 2044
  • Pledge Line: 2146 3686
  • BOV Mobile  7932 4834

Sport