Saturday, May 18, 2024

“Ix-xufier ma kienx jaf li l-arja kkundizzjonata ma kinitx taħdem”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Skont informatur, is-suspettat tat-trakk fejn mietu 53 immigrant kawża ta’ sħana qawwija f’Texas ma kienx jaf li l-arja kondizzjonata kienet waqfet taħdem.

Mid-dokumenti tal-akkużi ppreżentati fil-qorti federali rriżulta li, Homero Zamorano ma kienx jaf bil-kwistjoni teknika. Uffiċjali qalu li huwa nstab moħbi ħdejn it-trakk.

Zamorano huwa wieħed minn erba’ persuni akkużati fl-aktar inċident fatali ta’ traffikar ta’ bnedmin fl-istorja tal-Istati Uniti.

Diversi tfal li nstabu fil-vettura għadhom qed jingħataw kura l-isptar.

Fost żviluppi oħra b’rabta mal-investigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin instab trakk ieħor li kien qed iġorr immigranti oħra fl-istess parti ta’ Texas.

Zamorano, ta’ 45 sena, u l-allegat konspiratur Christian Martínez, ta’ 28 sena, qed jiġu akkużati li bagħtu messaġġi lil xulxin dwar l-operazzjoni ta’ kuntrabandu kemm qabel kif ukoll wara s-sejba tal-immigranti.

Informatur kunfidenzjali tal-gvern li jaħdem għall-Immigrazzjoni u l-Infurzar tad-Dwana u l-Pulizija ta’ Texas qal lill-uffiċjali li t-tnejn kienu tkellmu wara li ġew irrappurtati l-imwiet.

Skont id-dokumenti tal-qorti, Martínez allegatament qal lill-informatur “Ix-xufier ma kienx konxju li s-sistema tal-arja kundizzjonata kienet waqfet taħdem u kienet ir-raġuni għaliex l-individwi spiċċaw vittmi”.

Ix-xufier tat-trakk kien arrestat meta ritratti ta’ sorveljanza wrew lilu jsuq it-trakk min-naħa ta’ checkpoint tal-US Border Patrol f’Laredo, Texas, nhar it-Tnejn. Skont membru tal-Kungress ta’ Texas, meta nqabad huwa nstab li kellu livell għoli ta’ metamfetamina.

Iż-żewġt irġiel qed jiffaċċjaw il-piena tal-mewt jekk jinstabu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Sport