Friday, May 17, 2024

IS-SĦANA SEVERA TA’ BĦALISSA

Aqra wkoll

Il-mewġa ta’ sħana kbira li qiegħda taħkem madwar l-Ewropa qiegħda tinħass sew. Malta mhix eċċezzjoni tant li s-sħana qawwija li qed tagħmel, qed ikollhom konsegwenzi fuq l-infrastruttura l-aktar dik fuq l-elettriku. Sa fejn hu magħruf s’issa l-qtugħ tal-provvista tal-elettriku li pajjiżna qed jesperjenza bħalissa hija dovuta għas-sħana kbira li qed tinħass anke taħt l-art. 

Skont ma qed jingħad din il-mewġa ta’ sħana estrema u f’xi nħawi laħqet livelli rekord, se ttul sa nhar il-Ħamis li ġej fejn imbagħad mistennija tbatti bil-mod il-mod. Wieħed hawn jistaqsi għaliex kulma jmur it-temperaturi klimatiċi qegħdin dejjem jisħnu u jogħlew. Saħansitra esperti diġà qed ibassru illi s-sħana se tkompli tiżdied tant li l-kontinent Ewropew qed jisħon b’rata aktar mgħaġġla milli kien mistenni.

Dan il-fenomenu ta’ sħana huwa riflessjoni tat-tibdil fil-klima li parti l-kbira tiegħu hija kaġun tal-attività umana, l-iktar fejn għadu jiġi użat il-fjuwils fossili, iż-żejt, il-gass u l-faħam. F’dan ir-rigward, in-Nazzjonijiet Magħquda ilha twissi dwar dan, u qed tinsisti mal-gvernijiet biex jieħdu azzjoni immedjata għaliex jekk ikomplu jkaxkru aktar saqajhom, id-dannu jew il-ħsara lill-ambjent se tkun akbar u se jkun tard wisq biex tiġi rimedjata.

F’Malta qed jittieħdu passi biex l-użu tal-enerġija alternattiva jiżdied b’mod li jnaqqas kemm jista’ jkun it-tniġġis tal-arja. Għalhekk wieħed japprezza l-isforzi li qed isiru mill-Gvern f’din id-direzzjoni tant li issa pajjiżna se jibda jfittex metodi oħra ta’ enerġija alternattiva bħalma huma l-imtieħen tar-riħ fuq il-baħar bħala mezz ieħor flimkien ma’ metodi oħra ta’ enerġija alternattiva sabiex mhux biss pajjiżna jkollu s-sigurtà tal-enerġija imma wkoll jilħaq il-miri ambjentali tiegħu kif iffissati mill-Unjoni Ewropea. Għalhekk kienet inizjattiva f’waqtha li permezz tagħha, parti mill-iskart domestiku se jkun ukoll jista’ jintuża biex tinħoloq l-enerġija.

Huwa dover ta’ kull wieħed u waħda minna li f’dawn iż-żminijiet, meta qed ikunu organizzati ħafna attivitajiet fuq barra, fosthom BBQs, kulħadd għandu jkun responsabbli biżżejjed biex la jħalli ħmieġ warajh u wisq inqas oġġetti li faċilment jistgħu jieħdu n-nar u jħallu konsegwenzi kemm fil-qerda tas-siġar u anke fil-ħidma li jwettqu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili. 

Pajjiżna jiftaħar li l-poplu huwa wieħed responsabbli. Imma r-responsabbiltà f’dan ir-rigward trid tidher u trid tkun effikaċi biżżejjed sabiex ma ngħaddux minn dak li għaddejjin pajjiżi oħra li qed jaffaċċjaw nirien kbar u qerda ta’ foresti sħaħ b’konsegwenzi severi wkoll fuq il-bijodiversità.

Sport