Friday, December 27, 2024

Is-sidien tal-karavans u l-campers jipprotestaw f’Baħar iċ-Ċagħaq

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ħadd filgħodu, sidien ta’ karavans, campers u motorhomes inġabru f’Baħar iċ-Ċagħaq biex jipprotestaw kontra l-Avviż Legali numru 136 tal-2023 li jirregola fejn jistgħu jitpoġġew dawn il-vetturi. Huwa qed jitolbu li jiġi sospiż dan l-avviż legali u biex issir konsultazzjoni fuq siti aktar adattati għalihom.

Fost dawk li indirizzaw il-protesta kien hemm l-attivist Raymond d’Ambrogio li qal li “qegħdin niġġieldu għad-dritt li tgawdu d-delizzju tagħkom. Is-siti għandhom ikunu adegwati, mgħammra b’kollox, imbagħad kellu joħroġ l-avviż legali. Fuq kollox issir konsultazzjoni magħkom.”

Indirizza wkoll lil dawk preżenti rappreżentant mill-Assoċjazzjoni tal-campers f’Malta li qal li huma jaqblu mar-regolarizzazzjoni iżda li m’għandhiex tinqata’ linja. Huwa żied jgħid li bħala assoċjazzjoni ltaqgħu mal-Kap tal-Oppożizzjoni li wegħedhom li se tkun qiegħda titressaq emenda fil-Parlament għal dan l-Avviż Legali.

“Nispera li jżomm mal-wegħda. Fil-frattemp ktibna lill-Membri Parlamentari kollha u l-Ispeaker tal-Kamra fejn urejniehom l-għadab tagħna għall-avviż legali,” insista l-kelliem. “Se nibqgħu jum wara l-ieħor naħdmu biex nissalvagwardjaw dan id-delizzju.”

L-Avviż Legali jistipula li biex persuna tistazzjona caravan f’xi post trid l-ewwel tapplika għall-ħruġ ta’ permess mal-Kunsill Lokali rispettiv bil-ħlas ta’ €5 għal kull ġurnata. Id-deċiżjoni finali tibqa’ dejjem tal-Kunsilli Lokali.

Ir-regolamenti se jkunu qed japplikaw għax-xhur ta’ Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru ta’ kull sena. Minbarra dan, f’numru ta’ lokalitajiet se jiġu stabbiliti formalment designated sites, fejn fihom jistgħu jitqiegħdu caravans jew campers bi ħlas ta’ €10 għal kull jum ta’ parkeġġ sa massimu ta’ sebat ijiem fejn wieħed ikun jista’ jgawdi wkoll minn servizzi fosthom dawk sanitarji.

Irid jingħad li saru taħditiet dettaljati mal-Kunsilli Lokali involuti, fejn diġà ntlaħaq qbil ġenerali fejn se jiġu allokati dawn is-siti. L-ewwel żewġ siti indikati huma żona fil-Mellieħa u oħra f’Baħar iċ-Ċagħaq.

Dawn se jkunu qed jiġu regolati permezz ta’ bye laws apposta maħruġa mill-Kunsill Lokali rispettivi u diġà ġew skattati proċessi biex l-istess Kunsilli Lokali jkunu jistgħu japplikaw għall-ħruġ tal-permessi relattivi fejn applikabbli.

Ir-regolamenti jipprovdu wkoll għal kontravvenzjonijiet ġodda għal min ma jimxix ma’ dak provdut fid-dispożizzjonijiet relattivi.

Ekonomija

Sport