Minn Cristian Muscat
Swieqi United komplew jiktbu l-istorja tal-klabb b’ittri tad-deheb hekk kif it-tim tan-nisa rebħu l-Assikura Women’s League għall-ewwel darba. Swieqi rebħu l-kampjonat bl-aqwa mod possibbli hekk kif għelbu liċ-champions renjanti Birkirkara, 3-0. B’din ir-rebħa, Swieqi fetħu sitt punti distakk fil-quċċata tal-klassifika, u allura ma jistgħux jintlaħqu meta fadal logħba waħda għal tmiem l-istaġun.
Taħt it-tmexxija tal-kowċ Dorianne Theuma, Swieqi kienu b’saħħithom matul l-istaġun kollu. F’dan il-konfront, Karima Abdulai fetħet l-iskor mat-13-il minuta u hekk baqgħu sal-mistrieħ. Lejn tmiem il-logħba, Swieqi kkonfermaw ir-rebħa b’żewġ gowls oħra permezz ta’ Rafanny fit-78 minuta u Ema Micallef fit-83 minuta.
B’hekk, wara sitt staġuni ta’ dominanza Karkariża, Swieqi United ħadulhom ix-xettru u issa huma ċ-champions tal-futbol Malti tan-nisa. Fl-aħħar tliet logħbiet tagħhom, Swieqi rebħu lil Hibernians, Mġarr United u Birkirkara, skurjaw sebgħa u ma qalgħu l-ebda gowl.
Dan kien it-tieni unur li rebħu Swieqi f’dan l-istaġun, wara li aktar kmieni rebħu s-Super Cup. It-tir ta’ Swieqi hu li jirnexxilhom jiksbu t-treble, jekk kemm-il darba jirbħu t-Tazza, kompetizzjoni li tibda x-xahar id-dieħel.
Dan is-sit tkellem mal-kowċ ta’ Swieqi United FC, Dorianne Theuma, fejn tatna iktar dettalji.
X’taħseb li kien is-suċċess wara r-rebħ ta’ dan l-ewwel kampjonat fl-istorja ta’ Swieqi United FC?
Ovvjament, is-sigriet tas-suċċess kien l-għaqda u l-impenn li kien hemm minn kull parti li ġejja mill-klabb; jiġifieri, mill-istaff, kowċis u speċjalment il-plejers, li dejjem kienu lesti biex jaħdmu b’għan wieħed biex nippruvaw nirbħu dan it-titlu f’isem is-Swieqi.
Bħala livell tal-futbol tan-nisa, int li ilek għal snin twal fix-xena tal-futbol, u kont anke plejer tal-ogħla livell, kif rajtu jinbidel tul is-snin, taqbel miegħi li avvanza?
Li avvanza ovvjament bħala faċilitajiet iva, illum-il ġurnata tista’ ssib nursery tat-tfajliet kważi f’kull klabb li hawn fl-irħula, xi ħaġa li qabel ma kontx issib, riżorsi wkoll sar titjib kbir, tista’ tgħid it-tfal għandhom l-għażla minn fejn jagħżlu, aħna qatt ma kellna dak il-privileġġ li anke tagħżel klabb. Il-klabbs kibru u ħafna klabbs qed jinvestu aktar fil-futbol tat-tfajliet u qed nagħtu l-aħjar riżorsi għalihom daqslikieku huma timijiet tal-irġiel.
Bħala grawnds u anke dwar il-ħinijiet tal-logħob, x’tikkummenta fuqhom?
Din is-sena kienet l-ewwel sena li beda jkollna l-logħob is-Sibtijiet ukoll, xi ħaġa li tista’ tkun aktar attraenti biex persuni jiġu jarawna, fejn qabel il-logħob kien isir matul il-ġimgħa xi d-9pm ta’ billejl fejn kien ikollok persuni li diffiċli jiġu jarawk. Ovvjament irridu nagħtu aktar promozzjoni. Bħala grawnds għadna qed nilagħbu fi grawnds li wħud huma tajbin, u oħrajn li mhumiex daqshekk tajbin. Però naħseb li din mhijiex problema għall-futbol tan-nisa biss imma hija inġenerali, u jekk ikollna nipparagunaw lilna nfusna ma’ għaxar snin u ħmistax-il sena ilu nafu li qegħdin aħjar, imma rridu naraw kif ser ninsistu u nkunu f’sitwazzjoni aħjar milli qegħdin fiha llum.
Issa jmisskom impenji mal-UEFA Women’s Champions League, kif qed tħarsu lejn dan l-avveniment?
Avveniment li jiena esperjenzajtu bħala plejer mhux bħala kowċ, il-klabb din hija l-ewwel darba għalih, u huwa ħerqan biex nippreparaw sew u naħdmu għal dan l-avveniment. Hija xi ħaġa li kull plejer ikun jixtieq jesperjenza allura ser nippruvaw nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex inkunu fuq livell li nkunu kapaċi nħabbtuha mal-avversarji tagħna u nemmen li kemm il-plejers u kemm il-klabb huma lesti biex jagħmlu dik il-qabża.
Xi tgħidli dwar il-futur tiegħek bħala kowċ ta’ Swieqi United FC?
Din kienet l-ewwel esperjenza tiegħi, ma ħsibtx li konna ser nerbħu l-lig u s-Super Cup, ninsab kuntenta mal-klabb tas-Swieqi li vera jittratta u jinvesti fit-tim tan-nisa daqslikieku l-aqwa tim tal-irġiel, jiġifieri hemm ugwaljanza, qiegħda għal qalbi ħafna magħhom u nixtieq li jkolli esperjenza oħra biex inkomplu nippruvaw nagħmlu aħjar milli għamilna.
Persważ li tixtieq tgħaddi xi ringrazzjamenti lill-kumitat, lill-klabb, lill-amministrazzjoni ġenerali, għax nafu kemm il-klabb tas-Swieqi huwa wieħed organizzat.
Iva kif għedtlek diġà, għandi 28 sena esperjenza, u dort klabbs, imma nista’ ngħid li l-klabb tas-Swieqi jirrispetta ħafna lill-individwu, jagħmel kollox minn qalbu u jittrattana daqs l-aqwa tim tal-irġiel. Nirringrazzjahom għax kull meta kelli xi sitwazzjoni dejjem sibt is-sapport tagħhom, u jagħtik is-saħħa biex tkompli meta jkollok sitwazzjoni diffiċli u fihom sibt il-kenn u l-għajnuna biex dejjem tagħmel l-aħjar milli għamilt. Nixtieq nirringrazzja ħafna lill-kowċing staff tiegħi, lill-kowċ Keith, kowċ Luke u kowċ Mandy, u lill-istaff kollu li għenuni ħafna din is-sena u speċjalment lill-plejers li emmnu fija, f’dan il-proġett, kienet l-ewwel sena tiegħi bħala kowċ u kienet diffiċli tikkonvinċi l-plejers, ma tagħtihomx tort, imma emmnu fija, ħadmu bla ma qatt gergru, u napprezza l-umiltà tagħhom li bis-saħħa ta’ hekk irnexxielna nakkwistaw dak li akkwistajna din is-sena.