Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Il-futbol minn dejjem kien wieħed mill-aktar affarijiet importanti jekk mhux l-aktar ħaġa importanti għalija. Minn mindu kelli għaxar snin kont nipprova ma nfallix logħba tat-tim li kien qed jikkowċja missieri dak iż-żmien u b’hekk il-futbol, speċjalment dak lokali, kien xi ħaġa li sirt inħobb. Avolja, kont nilgħab ma’ xi nurseries, dejjem kienu jinteressawni d-dettalji żgħar tal-futbol u b’hekk ta’ 17-il sena kont bdejt il-kowċing għax ħassejt li dik kienet it-triq it-tajba għalija.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala Assistant Coach u Match Analyst ta’ Qormi FC, fejn taħdem spalla ma’ spalla proprju mal-papa tiegħek u kowċ tal-istess tim, Clive Mizzi.
Din l-esperjenza ma’ Qormi FC qed tagħtini opportunità kbira biex inkompli nikber kemm fuq livell personali kif ukoll professjonali fil-futbol. Li tkun tista’ taħdem ma’ missierek hija xi ħaġa sabiħa ghaliex naqsmu l istess passjoni u vizjoni peró fid dinja tal-futbol jien inħares lejh bħala kowċ b’ħafna esperjenza li nista’ nitgħallem ħafna minnu.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-BOV Amateur Cup?
Is-sigriet tas-suċċess tagħna bla dubju kien il mentalitá rebbieħa u l- għaqda li kellna fit-tim. Għall-finali kontra Victoria Hotspurs, avolja tlifna l-promozzjoni fl-aħħar ġurnata b’żewġ punti biss, konna ġejjin b’forma u kunfidenza tajba hekk kif skurjajna 19-il gowl f’erba’ logħbiet u qlajna gowl wieħed biss. Użajna l-kunfidenza li kellna biex nirbħu fil-finali bi skor ieħor ta’ 4-0.
U x’tikkummenta fuq l-andament tal-istaġun li għadda b’mod generali ghal Qormi FC?
L-għan prinċipali tagħna kien li niksbu promozzjoni peró kellna episodji matul l-istaġun fejn tlifna punti importanti ħafna. Avolja ma ksibniex dak li riedna, urejna li konna wieħed mill-aqwa timijiet jekk mhux l-aqwa tim bħala kollettiv.
X’tikkummenta fuq il-livell tal futbol Malti fil preżent?
Naħseb li l-futbol Malti llum sar aktar tattiku u organizzat milli bbażat biss fuq l-abbiltà individwali. It-timijiet qed jippreparaw aħjar il-logħob tagħhom permezz tal-analiżi u d-dixxiplina tattika, għalkemm għad hemm spazju għal aktar żvilupp fil-kwalità u l-konsistenza tal-plejers lokali.
U rigward dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titharrgu u tilaghbu l-loghbb uffiċjali taghkom?
Nemmen li r-riżorsi u l-faċilitajiet fil-futbol Malti tjiebu matul is-snin, iżda għad hemm bżonn aktar investiment fil-grawnds u l-faċilitajiet tat-taħriġ. Kundizzjonijiet aħjar jgħinu kemm fl-iżvilupp tal-plejers kif ukoll fil-kwalità ġenerali tal-logħba.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Fil-futur ħadd ma jaf x’ħa jiġri … l-importanti li nibqa’ nitgħallem minn kull episodju li naffaċċjaw bħala tim u nitgħallem minn nies li għandhom aktar esperjenza minni fil-futbol biex ikolli l-għodda neċessarji biex nirnexxi fil- futur.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jjbda jilgħab il-futbol.
Naħseb li messaġg ta’ importanza huwa li trid tibqa’ temmen fl-abbiltá tiegħek stess jiġri x’jiġri u trid iżżomm l-identitá tiegħek!


