Saturday, May 4, 2024

Is-Sindku tal-Ħamrun jgħid li s-sitwazzjoni fil-lokalità qabżet kull limitu

Aqra wkoll

Is-Sindku Laburista tal-Ħamrun, Christian Sammut qal fuq il-midja soċjali li s-sitwazzjoni fil-Ħamrun mhix kif wieħed jixtieq. Sostna li kuljum qed ikun hemm każi ta’ abbużi u affarijiet illegali li qegħdin jiġru quddiem għajnejn kulħadd. 

Sammut qal li filwaqt li hu ma jħobbx jipprotesta u li bħala kunsill qed jagħmlu ħafna xogħol bil-limitazzjonijiet li għandhom, jistqarr li qed jaraw diffikultajiet ġodda l-ħin kollu. 

Is-Sindku lmenta minn nuqqas ta’ inforzar kbir u anke minn nuqqas ta’ interess minn min donnu ma jridx li jsolvi l-problemi li hemm fil-Ħamrun minħabba l-barranin. 

Hu qal li hemm problemi fejn il-Maltin huma kompliċi, eżempju fil-każi tal-kirjiet u fix-xogħol. Saħaq li bħala pajjiż m’għandniex pjan u ninsabu mitlufin fil-kwistjoni tal-barranin. Qal li aktar ma din qiegħda titpoġġa fil-ġenb, aktar qiegħda tikber u tiggrava, tant li issa s-sitwazzjoni qabżet kull limitu. 

Bħala kunsill, hu qal li żiedu numru kbir ta’ kameras f’ħafna postijiet biex tiżdied is-sigurtà, kif ukoll qiegħda ssir pressjoni fuq l-awtoritajiet kollha. Qal li n-nies qegħdin jgħixu fil-biża’ u fit-tbatija. Għaldaqstant, is-Sindku talab lill-awtoritajiet biex jerfgħu r-responsabbiltà u jwaqqfu l-abbużi u l-illegalitajiet, inkella se jibdew isemmu dan fiż-żmien li ġej. 

Sport