L‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed tħejji pjan ta’ kontinġenza biex tilqa’ fl‑istrutturi edukattivi tagħha l‑istudenti u l‑istaff tal‑Kulleġġ San Albert il‑Kbir jekk l‑iskola ma tkunx f’pożizzjoni li tiffunzjona fil‑bidu tas‑sena skolastika 2022/23.
Fi stqarrija maħruġa, L‑Arċidjoċesi qalet, li permezz tas‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika, ilha għal diversi ġimgħat involuta b’mod attiv f’taħditiet sabiex tiġi identifikata t‑triq ’il quddiem għall‑partijiet kollha, wara d‑deċiżjoni tal‑Ordni Dumnikan — li hu responsabbli mill‑kulleġġ — li jkeċċi l‑eks surmast tal‑iskola. L‑Arċidjoċesi tesprimi d‑diżappunt tagħha li l‑kwistjoni għadha mhix solvuta ftit jiem qabel il‑bidu ta’ sena skolastika ġdida.
Żiedet tgħid li l‑għan ewlieni tas‑Segretarjat jibqa’ li jħeġġeġ għal diskussjonijiet li jħallu riżultat pożittiv bejn l‑Ordni Dumnikan u l‑MUT. Qalet ukoll li fl‑istess waqt is‑Segretarjat daħal għar‑responsabbiltà li jħejji pjanijiet alternattivi fl‑eventwalità li t‑taħditiet ma jkomplux.
Kelliema għall‑Arċidjoċesi qalet: “Waqt laqgħa li saret riċentament mal‑Arċisqof Charles Scicluna, il‑ġenituri esprimew it‑tħassib tagħhom b’mod ġustifikat dwar l‑inċertezza tal‑edukazzjoni ta’ wliedhom. L‑Arċisqof qal li se jonora l‑impenn li ħa biex iħares il‑ġid tal‑istudenti li huwa, u jrid jibqa’, prijorità ewlenija”.
L‑Arċidjoċesi irringrazzjat lill‑awtoritajiet edukattivi tal‑koperazzjoni tagħhom kif ukoll lis‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika, lill‑Kunsill tas‑Superjuri Maġġuri Reliġjużi u lill‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja li qed jaħdmu bla heda biex din il‑kwistjoni tiġi konkluża b’suċċess.
Il-Kulleġġ ta’ San Albert il-Kbir jakkuża lill-MUT b’sabutaġġ
Intant l-amministrazzjoni tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir esprimiet tħassib dwar dak li sejħet bħala attentati ta’ sabutaġġ mill-MUT fil-konfront tal-isforzi li qed isiru għall-bidu tas-sena skolastika li se tibda nhar it-Tnejn li ġej. Dan minkejja dak li qalet l-isforzi li għamlu biex jaslu għal kompromess u negozjati.
Il-Kulleġġ qal li llum stess saret laqgħa f’attentat li tinstab soluzzjoni amikevoli, iżda skont il-kulleġġ, il-Union tal-għalliema (l-MUT) qed tordna b’mod illegali lil żewg membri tagħha milli jikkollaboraw mal-kap tal-iskola sekondarja dwar it-timetable għas-sena skolastika li jmiss.
Skont il-Kulleġġ il-Union ordnat lill-istess membri tal-istaff biex ma jikkollaborawx mal-kap il-ġdid tal-iskola sekondarja biex issir medjazzjoni mal-membri tal-istaff biex ikun preparat għas-sena skolastika.
Il-Kulleġġ qal li l-kap il-ġdid tal-kulleġġ intgħażel minn grupp ta’ nies li kienu mmexxija mill-President tal-MUT, edukaturi ta’ esperjenza, rappreżentanti tas-segretarjat tal-edukazzjoni kattolika, u dawk mill-Ordni Dumnikan.
Il-Kulleġġ qal li se jżomm lill-MUT responsabbli għal dannu li qed isofri minħabba l-azzjonijiet tagħha u appellat biex il-Union taħdem għall-interess tal-istudenti u l-membri tal-kulleġġ.
L-MUT tgħid li mhux se tħalli lil min jitfa’ l-ħtija fuqha
L-Unjin tal-Għalliema (MUT) rribattiet u qalet li mhux se tħalli lir-Rettur, il-bord u l-Provinċjal tal-Kulleġġ iwaħħlu fiha għal din is-sitwazzjoni.
Fir-reazjoni tagħha hija qalet li kien ċar mill-bidu li l-Kulleġġ kien immexxi minn “Rettur u bord inkompetenti” li ħa l-azzjonijiet kollha sabiex jattakka l-impjegati tiegħu u ddikjara gwerra kontra l-unjin li tirrapreżenta l-edukaturi.
L-MUT sostniet li kienet għamlitha ċara lill-Provinċja tad-Dumnikani li kienet lesta tikkollabora magħha biex l-iskola tinfetaħ ladarba jitneħħew ir-Rettur u l-bord eżistenti.
Hija qalet ukoll li numru ta’ ġenituri ħarġu lil uliedhom mill-Kulleġġ u daħħluhom fi skejjel oħra u sostniet li l–aħħar żviluppi huma dovuti għall-fatt li l-Kulleġġ mhux ippreparat għas-sena skolastika li se tibda mit-Tnejn li ġej.