Wednesday, March 27, 2024

Kampjonat Ewropew U19 tal-waterpolo: Malta se tilgħab għad-disa’ post

Aqra wkoll

Malta…………….. 10

Georgia………….. 7

(2-2, 2-2, 2-2, 4-1)

F’logħba ferm missielta Malta rebħet is-semi-finali għal post fil-klassifika ġenerali bejn id-9 u t-12-il postijiet tal-Kampjonat Ewropew Under-19 tal-LEN li qed isir f’Podgorica, Montenegro, u llum se tilgħab kontra l-Olanda fil-finali għad-9 u l-10 postijiet wara li dawn għelbu lil Franza 15-7. Franza u Georgia se jilagħbu għall-11 u t-12-il post.

Wara li fil-logħba li tlifna 8-7 kontra l-Olanda fir-round tal-Aħħar 16, il-coach Anthony Farrugia lagħab lil Andrew Bugeja bejn il-lasti minflok Matthew Bonello du Puis li lagħab fil-logħba msemmija.

Ir-rebħa Maltija mmaturat fl-aħħar sessjoni li ġiet mirbuħa 4-1 wara li t-tlieta preċedenti ntemmu kollha bl-istess skor ta’ 2-2. Dan huwa kuntrast għan-normalitá meta l-logħbiet tagħna ħafna drabi nitilfuhom fl-aħħar sessjoni.

Barra minn hekk l-iskor seta’ kien ikbar meta mill-ħames penalties li ngħatajna skorjajna tnejn biss waqt li tlieta mill-goals ġew meta konna bi player iktar fil-pitch.

Min-naħa tagħhom Georgia ma ngħataw l-ebda pe­nalty waqt li sabu x-xibka darba biss meta kellhom vantaġġ numeriku.

Kienu Georgia li fetħu l-iskor minn Giorgi Kiriakidi, iżda Jake Bonavia kiseb id-draw u mbagħad Davit Chkheidze reġa’ poġġa lill- avversarji tagħna minn fuq iżda s-sessjoni għalqet 2-2 b’penalty ta’ Gianni Farrugia.

It-tieni sessjoni kienet botta u risposta fejn din id-darba kienu l-Maltin li kienu dejjem minn fuq iż­da għalqet bl-iskor ta’ 2-2 ukoll.

Beda Mark Castillo li skorja bi player iżjed u Besarion Akhvlediani skor­ja n-naħa l-oħra. Għal darb’oħra l-Maltin marru minn fuq meta Gianni Farrugia skorja bi player iktar bħal m’għamel Aleksandre Mikautadze għal skor parzjali ta’  4-4 għalkemm Alec Fenech kellu penalty mal-lasta u Sam Gialanze kellu tiegħu salvat.

L-istess andament seħħ fit-tielet sessjoni fejn din id-darba kienu Georgia li marru minn fuq b’goal ta’ Saba Tkeshelashvili.

Alec Fenech poġġa lil Malta 6-5 minn fuq, it-tieni goal b’superjoritá nu­merika, waqt li bejniet­hom Gian­ni Farrugia kellu penalty miżmum mil-lasta bis-sessjoni tara lit-timijiet f’pa­ritá ta’ 6-6.

L-aħħar sessjoni rat lit-team Malti jikseb ir-rebħa fejn beda Matthew Mifsud li skorja darbtejn, it-tieni wieħed minn penalty. Meta kien fadal 32 sekonda Georgia naqqsu d-distakk minn Davit Chkheidze meta għa­milhom 8-7 bl-aħħar kelma tkun ta’ Jake Cachia u Gianni Farrugia li l-goals tagħhom issiġillaw ir-reb­ħa Maltija li kienet it-tieni waħda f’dawn il-kampjonati.

Georgia: 1-Giorgi Chagelishvili; 2-Giorgi Kozashvili; 3-Saba Matchavariani; 4-Tati Ivachidze; 5-Archil Bagashvili; 6-Saba Tkeshelashvili (1); 7-Besarion Akhvlediani (c) (2); 8-Giorgi Eristavi; 9-Davit Chkheidze (2); 10-Giorgi Kiriakidi (1); 11-Luka Chikovani; 12- Alexsandre Mikautadze (1); 13-Dimitri Tchumburidze.

Malta: 1-Andrew Bugeja; 2-Matthew Mifsud (2); 3-Sam Gialanze; 4-Russell Caruana; 5-Jake Cachia (1); 6-Daniel Tully; 7-Jayden Cutajar; 8-Mark Castillo (1); 9-Kieyan Borg; 10-Jake Bonavia (c) (1); 11-Alec Fe­nech (2); 12-Gianni Farrugia (3); 13-Matthew Bonello Du Puis.

Referees: Akif Uz (Turkija), Peter Radic (Slovakkja). 

Ekonomija

Sport